Jidħlu fis-seħħ emendi dwar kirjiet antiki

Mil-lum daħlu fis-seħħ l-emendi fl-Ordinanza li Tneħħi l-Kontroll tad-Djar biex ikunu indirizzati l-problemi relatati ma’ kirjiet antiki li ġejjin minn ċnus.

L-għan huwa li jinħoloq bilanċ bejn id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ dar residenzjali u tal-kerrej li jkun jeħtieġ protezzjoni.

Is-sid tal-post issa jista’ jagħmel talba quddiem il-Bord tal-kera biex isir test tal-mezzi lill-inkwilin. Jekk l-inkwilin jirriżulta li m’għandux mezzi jew riżorsi suffiċjenti biex isib akkomodazzjoni oħra, hu jkun intitolat li jibqa’ jirrisjedi fl-istess residenza. Iżda s-sidien iridu jibdew jitħallsu ammont sa 2%  tal-valur tal-propjetà fl-ewwel ta’ Jammar tas-sena li fiha ssir it-talba.

Jekk jirriżulta l-kuntrarju, l-inkwilin ikollu jħallas kera doppja u jingħata ċans ta’ 5 snin biex joħroġ mir-residenza.

Dawn id-dispożizzjonijiet se jkunu applikabbli wkoll f’kull każ fejn ċens, subċens jew kirja ta’ dar ta’ abitazzjoni jkun skada minħabba deċiżjoni tal-Qorti bbażata fuq nuqqas ta’ proporzjonalità ta’ kumpens.