Jidħlu fis-seħħ direttivi industrijali fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex

Il-unjin tal-infermiera u l-qwiebel, l-MUMN, ħarġet direttivi industrijali –b’seħħ immedjat fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Il-unjin ordnat lill-infermieri biex jieqfu jagħmlu x-xogħol tal-carers, b’mod partikolari f’Residenza Sant’Anna, wara li ilha għall-aħħar sena titlob lill-Gvern biex jimla l-post tal-20 carer meħtieġa biex tingħata l-kura lill-anzjani.
L-MUMN sostniet li l-Gvern ilu sena jwiegħda mingħajr ma fil-fatt daħħal il-carers meħtieġa, u li n-nuqqas ta’ ħaddiema mar għall-agħar wara li wħud minnhom ġew ittrasferiti bħala uffiċjali tas-sigurtà jew bi dmirijiet oħra.
Il-unjin kienet tat lill-Gvern sal-10 t’Ottubru żmien biex jipprovdi l-carers, li mbagħad estendiet sal-15 tax-xahar. Iżda sostniet li kull ma ġara kien li l-Ministeru għal Għawdex għadda l-flus lid-Dipartiment tas-Saħħa li madankollu ma daħħalx carers ġodda.
Hekk kif skadiet din id-data, il-unjin ordnat li jidħlu fis-seħħ id-direttivi mħabbra.