Jidher quddiem il-qorti r-raġel li qabad ġlieda f’Paceville

Il-vittma ta’ attakk vjolenti li seħħ ilbieraħ filgħaxija f’Paceville qal fil-qorti li ma kienx qed jistenna li jiġi attakkat minn persuna li għandu l-istess karnaġġjon bħalu. Hu saqsieh sempliċiment għal lighter u spiċċa biex serqu.

Dan kollu ħareġ wara li Somalu ta’ 24 sena ġie akkużat b’serqa, aggravat bi vjolenza, weġġa’ persuna, u li kien fis-sakkra fil-pubbliku. L-Ispettur qal lill-maġistrat kif il-pulizija ta’ San Ġiljan kien irċieva rapport li kien hemm ġlieda fi Triq San Ġorġ f’Paceville.

L-avukat qal li l-akkużat sat-8:30pm tal-lejl li fih saret il-ġlieda ma kienx jiflaħ jimxi minħabba l-ammont ta’ alkoħol li kien xorob. Il-vittma xehed quddiem il-qorti aktar kmieni llum minħabba li se jitlaq minn Malta fil-jiem li ġejjin. Hu qal li kien Paceville meta raġel mar fuqu u saqsieh għal lighter. Hu stqarr li ra li r-raġel kien tal-istess karnaġġjon tiegħu u qal li minħabba f’hekk qiesu li kien ħuħ.

Il-vittma qal li r-raġel mar fuqu għall-ħabta tal-4:30am u miegħu kien hemm madwar ħames persuni. Meta daħħal idu fil-but biex inewwillu l-lighter, il-ħabib tal-akkużat ħadlu l-mowbajl mill-but. Hu qal li meta pprova jieħdu lura, l-akkużat xejjirlu daqqa’ ta’ ponn f’għajnejh.

Il-vittma li qal li ftit qabel ġibed €100 mill-ATM u żammha f’idu biex imur jixtri pizza, qal li l-akkużat ħadlu l-karta tal-€100 minn idu u ta’ lill-persuna li ħadlu l-mowbajl mill-but. Madankollu ma kienx ċert min tah id-daqqa għax max-xeba, waqa’ mal-art u kulma jiftakar hu li qam l-isptar.

Il-vittma iffirma hu stess biex joħroġ mill-isptar għall-ħabta tal-5:00pm tal-lbieraħ. Ir-raġel sofra minn ġrieħi f’għajnejh, ġrieħi fuq wara ta’ rasu u f’minkbejh ix-xellugija.

Għalkemm l-akkużat qal li mhux ħati tal-akkużi, id-difiża ma’ talbitx il-ħelsien mill-arrest.

Aqra: Raġel l-isptar wara ġlieda f’Paceville