“Jidher li m’hemm xejn li jwaqqafni milli nippubblika r-rapport” – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li wara parir legali dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, jidher li m’hemm xejn li jwaqqfu milli jippubblika r-rapport dwar l-inkjesta Egrant.

Hu qal dan f’indirizz live fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook u wkoll fuq il-media tal-Partit Nazzjonalista. Dan il-messaġġ ġie propju wara li dalgħodu l-Qorti ordnat li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, għandu jingħata kopja tar-rapport tal-inkjesta Egrant. Dan ir-rapport ħareġ bħala riżultat ta’ investigazzjoni fil-kumpanija bbażata fil-Panama.

Delia sostna li l-Avukat Ġenerali kiser id-drittijiet fundamentali tiegħu. Qal li dan hekk kif l-Avukat Ġenerali kien għażel li jagħti kopja tar-rapport lill-Prim Ministru Joseph Muscat u lill-Ministru Owen Bonnici, lil Kurt Farrugia u wkoll lil tliet Ministri. Dan filwaqt li hu ġie rrifjutat dan ir-rapport għal 18-il xahar sħaħ.

Delia reġa’ qal li ladarba l-Avukat Ġenerali, li suppost huwa l-avukat tal-istat, kiser il-kostituzzjoni li suppost qed iħares hu stess, biex jipproteġi l-klikka, mela dan għandu jirreżenja minnufih. Sostna li r-riżenja tiegħu tkun fl-aqwa interess tal-pajjiż.

Hu qal li l-kabinett preżenti wera fiduċja assoluta fil-Prim Ministru, l-Avukat Ġenerali u Keith Schembri huwa kompliċi u parti mill-problema. Sostna li l-kabinett qatt ma jista’ jkun is-soluzzjoni.

Delia spjega li talab parir legali dwar l-inkjesta maġisterjali u sostna li ma hemm xejn li jżommu milli jippubblika r-rapport. Qal li issa qed jara r-rapport biċċa biċċa u fil-jiem li ġejjin se jkun qed jara li hemmx xi parti mir-rapport li tgħid li ma jistax jippubblikah.