“Jidher li Fearne mhux se jkun ikkontestat”

Read in English.

Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li jistenna li mhux se jkun hemm tellieqa għall-mexxej tal-Partit Laburista, bl-unika nomina tkun dik ta’ Chris Fearne, li bħalissa huwa d-Deputat Prim Ministru.

F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt, Dr Farrugia stqarr li bħalissa l-Prim Ministru Joseph Muscat qed imexxi l-impenji amministrattivi ta’ kuljum. Żied jgħid li hu infurmat tajjeb li l-evidenzi u l-informazzjoni kollha dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia nġabret kollha u m’hemmx iktar x’wieħed jiġbor.

Dwar Keith Schembri, l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Aaron Farrugia qal li kellu miegħu relazzjoni normali bħal kull membru fil-kabinett, u li ma kellux opinjoni dwaru. Meta mistoqsi dwar l-implikazzjonijiet li saru fuq Schembri, Farrugia qal li m’għandux dubju li l-ġimgħa d-dieħla se toħroġ iktar informazzjoni milli hemm illum. “Ħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu u mbagħad wieħed jiġbed linja”, irrimarka Farrugia.

Intant, Newsbook.com.mt jista’ jikkonferma li diversi Membri Parlamentari qed jintlemħu deħlin jew ħerġin mill-Ministeru ta’ Chris Fearne. Fost l-oħrajn, minbarra Aaron Farrugia, kien hemm Robert Abela, Clifton Grima, Ian Borg u Joe Mizzi.

Ġurnalista: Monique Agius, Filmat: Miguela Xuereb