Jidgħi b’Alla waqt quddiesa f’Tas-Sliema

Taljan infexx jidgħi b'Alla nhar il-Ħadd filgħaxija waqt li l-kongregazzjoni kienet miġbura għal quddiesa fil-bitħa ta’ St Patrick’s f’Tas-Sliema.
Persuni li kienu preżenti esprimew ix-xokk tagħhom li eżatt fil-mument ta’ ħemda qabel it-tqarbin, ir-raġel ħareġ fil-gallarija tal-appartament u nfexx jidgħi, dagħa faħxi b’Alla. Xi ħadd mill-kongregazzjoni sikktu, iżda l-barrani xorta kompla b’iktar tgħajjir.
Għalkemm dawk preżenti kienu xxukkjati bl-għajjat, kulħadd baqa’ kalm u l-quddiesa kompliet b’mod normali.
Hu mifhum li fis-sajf, il-quddiesa tas-7.30pm issir fil-bitħa ta’ St Patrick’s biex tilqa’ lil madwar 400 persuna, fosthom nies li jkunu Tas-Sliema għas-sajf u persuni morda li ma jkunux jistgħu jitilgħu t-taraġ.
Uħud minn dawk preżenti għall-quddiesa qalu ma’ Newsbook.com.mt li hemm tmien appartamenti quddiem St Patrick’s li jiġu mikrija lil ħafna żgħażagħ barranin, l-aktar Taljani u Spanjoli.
Qalu li dawn jagħmlu ħafna storbju fil-gallariji b’għajjat u b’mużika għolja, f’kull ħin tal-ġurnata. Staqsew għalfejn dawn iż-żgħażagħ ma jirrispettawx dak li jkun qed jiġri fil-pajjiż.
Spjegaw li ġieli ġibdulhom l-attenzjoni wkoll biex ibaxxu l-mużika minħabba li jtellfu l-quddiesa. Qalu li dan kien l-ewwel każ li xi ħadd infexx jgħajjar lil dawk preżenti għall-quddiesa.