Jiddispjaċini nilmaħ profeti tad-dlam – L-Isqof Grech

Read in English.

L-Isqof Mario Grech qal li jiddispjaċih jilmaħ profeti tad-dlam fil-Knisja. Huwa kien qed jagħmel l-omelija fil-Festa tal-Kunċizzjoni.

Huwa qal li l-Knisja tkun dawl jekk bħal Marija tkun mimlija bi Kristu. Żied jgħid li l-Knisja ddawwal madwarha mhux meta tippreżenta jew tipprietka lilha nnifisha, imma meta twassal lil Ġesù. Hemm ir-riskju li l-Knisja, kompla l-Isqof Grech, timita gruppi ċivili oħra li għandhom għanijiet politiċi ta’ riformi soċjali u b’hekk taqa’ f’nasba u ma tibqax fid-dawl.

“L-iskop tal-Knisja huwa li xxandar lil Kristu u l-Vanġelu tiegħu li għandu qawwa li jifforma u jispira lil-lajċi biex imbagħad jibnu l-belt tad-dinja.”

L-Isqof Grech qal li mhix il-missjoni tagħna li nkunu profeti tad-dlam u li hu jiddispjaċiħ meta fil-Knisja nilmaħ profeti tad-dlam. Dan jgħodd għall-imgħammdin kollha, imma aktar ma wieħed ikollu responsabbiltà fil-Knisja, aktar għandu joqgħod għassa biex ma jkunx profeta tad-dlam. Ma nistgħu naqtgħu qalb ħadd – mhux għax għandna xi ħiliet speċjali, imma għax nemmnu fi Kristu.

Sostna li x’ħin nitfgħu ħarsitna fuq il-Kunċizzjoni u nilmħu l-qamar taħt riġlejha, napprezzaw mhux biss li Marija hija “qamar” li jkeċċi d-dlamijiet, imma wkoll li kull min tgħammed iġorr fih dan il-misteru tal-qamar. Qal li għalhekk kull fejn hemm id-dlam, aħna rridu nirriflettu d-dawl ta’ Kristu, u dan huwa motiv ta’ faraġ kbir. Kelma oħra flok “rifless” hija x-xhieda. Spjega li l-Papa San Pawlu VI darba qal li d-dinja ma għandhiex bżonn ta’ għalliema imma ta’ xhieda, u jekk tisma’ lill-għalliema, tismagħhom għax huma xhieda. Kieku aħna li għandna din id-devozzjoni lejn l-Immakulata nirriflettu ftit aktar dawl u nkunu bħal qamar li jmewwet id-dlam tas-soċjetà, kieku l-Knisja tkun tagħti servizz kbir lill-umanità.

Mons. Grech spjega li l-Knisja hija l-qamar ġdid li għandu bżonn il-bniedem. Id-dnub (id-dlam) huwa dejjem dnub; imma l-midneb jibqagħlu dejjem il-possibbiltà li jikkonverti. “Qatt ma għandna niskartaw lill-midneb, qatt ma nistgħu naqtgħu qalb min żbalja. Dmirna hu li bħall-Immakulata (l-qamar) aħna (l-Knisja) nkunu rifless ta’ Kristu (x-xemx) fil-ħajja,” qal l-Isqof Grech.