“Jiddispjaċini li m’aġixxejtx mod ieħor” – Jason Azzopardi

Jason Azzopardi
Ritratt: Miguela Xuereb

Read in English.

Jason Azzopardi fuq Facebook qal li jiddispjaċih li m’aġġixxiex mod ieħor meta aċċetta l-ospitalità f’Tel Aviv. Hu rringrazzja lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika tal-kjarifikazzjoni dwar il-ksur tal-etika, u talli wieġbu daqshekk malajr.

Azzopardi qed jirreferi għall-istorja li ppubblikat l-Illum nhar il-Ħadd, li żvelat li Azzopardi aċċetta offerta ta’ George Fenech mit-Tumas Group li jħallaslu l-kont tal-lukanda f’Tel Aviv meta mar hemmhekk għal tieġ. Azzopardi qal li mal-wasla tiegħu f’Malta, mar xtara rigal mingħand ħanut tal-fidda u ħallih fir-reception tal-uffiċċju ta’ Ray Fenech. Azzopardi talab lill-Kummissarju biex jevalwa l-każ għal ksur ta’ etika.

Intant, illum il-Kummissarju Dr George Hyzler qal li l-fatt li Jason Azzopardi rreċiproka l-ospitalità f’Tel Aviv b’rigal tal-fidda ma tfissirx li jikkanċella r-rigal mogħti lid-deputat. B’hekk, ir-rigal reċiproku ma jeżentax lil Azzopardi mid-dispożizzjonijiet relevanti tal-Kodiċi ta’ Etika tal-Membri tal-Kamra tad-Deputati. Hu kjarifika li Azzopardi kellu jiddikjara li rċieva rigal.

Azzopardi sostna li mhux se jinħeba wara subgħajh bl-argumenti. Qal li missu nsista li jħallas il-kont bi sħiħ, imma dak iż-żmien ħassu li jkun bla manjieri jekk ma jaċċettax l-offerta ta’ Fenech. Barra minn hekk, ħaseb li jekk jirreċiproka r-rigal, kien ikun sinjal ċar li m’għandux obbligi lejh.

“Ir-rigal ma nfluwenzax l-irwol tiegħi bħala Membru Parlamentari”

Azzopardi żied jgħid li r-rigal ma nfluwenzax l-irwol tiegħu bħala Membru Parlamentari.

Hu spjega li mar Tel Aviv f’Marzu tal-2017, u li f’dak iż-żmien, Tumas Group ma kellhomx x’jaqsmu mal-leġislazzjoni. Il-ftehim tal-Electrogas kien ilu ffirmat, u ma kien hemm l-ebda pjanijiet għal leġislazzjonijiet li jaffettwaw lill-Tumas Group b’mod dirett. Huwa kompla jgħid li Ray Fenech qatt ma staqsieh għal favur sakemm kien fil-Kabinett, u li żgur li Fenech kien konxju li r-rigal tal-fidda kien mod kif ma jkunx hemm dejn.

Azzopardi qal li barra minn hekk, sa dan iż-żmien, kienet magħrufa sew li sa mill-ewwel ġurnata fl-2013 hu kien kontra l-ftehim tal-Electrogas. Hu spjega fuq Facebook li dejjem kien minn tal-ewwel jiġġieled kontra l-korruzzjoni fil-ftehim tal-Electrogas, u kontra n-nies li qatlu lil Daphne Caruana Galizia.

Ikkonkluda billi qal li jiddispjaċih ta’ kif aġixxa, imma li hija ċara li r-rigal m’affettwax l-irwol tiegħu bħala MP.