“Jiddispjaċini li ma kellix ċans ngħidlek dan kollu”

Minn Therese Comodini Cachia

Jiddispjaċini li ma kellix ċans ngħidlek dan kollu. Laqqgħuni miegħek membri tal-familja snin ilu u l-unika ħaġa li kont naf kien li fil-passat kont ta’ appoġġ kbir għalihom. Iżda mill-ewwel indunajt li kont qassis ħafna differenti mill-oħrajn, b’personalità li ma kinitx maqfula wara l-libsa ta’ qassis. Anzi personalità li filwaqt li tifhem sew ir-responsabbilitajiet ta’ qassis, it-twemmin reliġjuż, għarfet tikkomunikah lill-oħrajn sew billi għarfet tkun hi stess li tgħix dak it-twemmin.

Sirt nafek snin qabel ma nħtart Kardinal, u kif taf tagħmel int din il-ħatra ma xekklitx il-personalità tiegħek u ma biddlitekx. Ir-responsabbilità ma għamlitekx prużuntuż. Niftakrek tidħak bina meta konna ftit imħawdin issa kif se nibdew ngħajtulek u kif se nindirizzawk. Meta qaddist fil-quddiesa tat-tieġ tiegħi, kienet waħda mill-ewwel drabi li jien iltqajt miegħek. Niftakar l-ewwel darba li staqsejtni ‘allura li int avukat, f’liema qasam tipprattika?’. Ma tantx kont komda ngħid lil qassis, biex tgħaxxaqha wieħed li ġej minn Ruma mill-Vatikan li nipprattika fil-qasam tad-drittijiet fundamentali. Imma m’hemmx x’tagħmel għedtlek il-verità u naħseb li fil-fatt kont diġà taf. Ir-reazzjoni tiegħek kienet waħda li mill-ewwel ħassejt li miegħek stajt niddiskuti kull kwistjoni li ridt. U kien hemm drabi meta hekk għamilna. Ftit snin wara, meta jien dħalt fil-politika ġbidtli ftit saqajja mhux ħażin. Iżda tajtni wkoll pariri siewja speċjalment fuq kwistjonijiet soċjali u etiċi.

L-aktar ħaġa li żgur li nibqa’ niftakar hija kif inti lqajtna b’tifla żgħira f’Ruma fejn mill-ewwel intbaħt li jekk m’aħniex se noħorġuha ħdejn il-vaska fil-ġnien żgur li ma kinitx se toqgħod. Nibqa’ ngħożż kull darba li għażilt li tqatta’ ftit ħin magħna; ikliet li żgur se nibqa’ niftakar. Kif nista’ ninsa l-messaġġi tiegħek, fuq il-politika, fuq ix-xogħol, anke fuq il-familja meta għedthom b’ċajta jew rakkont. Kif nista’ ninsa li inti f’darna sibt ħin tilgħab ma’ tifla żgħira. U żgur li ma nistax ninsa li l-kamera kienet dejjem tkun miegħek.

Ma rrid innaqqas xejn mill-mertu tal-intelliġenza kbira u għarfien li inti kellek, iżda kellek xi ħaġa li tiżboq l-intelliġenza tal-oħrajn. U din kienet il-personalità tiegħek li għarfet l-umanità tal-persuna. Grazzi. Żgur li qiegħed tgawdi l-imħabba u l-għożża ta’ Alla.