“Jiddispjaċini li ma ħadtx pożizzjoni iktar iebsa”

Read in English.

Il-Ministru Evarist Bartolo kmieni dalgħodu esprima d-dispjaċir tiegħu li fl-2016 ma ħax pożizzjoni iktar iebsa. B’referenza għal meta ħareġ l-iskandlu tal-Panama Papers, Bartolo stqarr li “messni ma qbadtx u emmint id-diskors li kienu qaluli: li se nitgħallmu minn dik l-esperjenza u ma nħallux li jkollna Gvern wara l-kwinti iżjed b’saħħtu minn dak li jidher fuq il-palk”. Dan jirreferi għalih bħala l-ikbar żball tiegħu fil-politika.

Bartolo, issa ilu jiem sħaħ jitfa’ fuq Facebook il-ħsus tiegħu dwar is-sitwazzjoni kurrenti fil-pajjiż.

“Gvern ta’ fuq il-palk u ieħor ta’ wara l-kwinti”

Fakkar li f’Mejju 2016, kien wissa fil-Parlament dwar “forzi fis-soċjetà li għandhom iktar influwenza milli suppost, li jekk ma jkunux imrażżna u skrutinizzati jkunu periklu għad-demokrazija”. Insista dwar l-importanza li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex l-istituzzjonijiet fil-pajjiż jżommu skrutinju sħiħ ta’ kif jittieħdu d-deċiżjonijiet “għax inkella tispiċċa bil-periklu ta’ gvernijiet paralelli, bil-gvern li jidher fuq il-palk u l-gvern ta’ wara l-kwinti”.