“Jiddispjaċini iżda dik problema tiegħek”

Il-Papa Franġisku jgħid x’inhi l-kura għal min jaħseb hekk.

  • (Corpus 2019) L-Ewkaristija hija l-kura għall-mentalità li tgħid, “Jiddispjaċini, imma dik problema tiegħek,” jew “M’għandix ħin, ma nistax ngħinek, mhux affarija” … Fil-bliet tagħna, imġewħa għall-imħabba u l-attenzjoni, mimlijin taħsir u abbandun, mimlijin anzjani weħidhom, familji f’diffikultà, żgħażagħ ifittxu x-xogħol u jixtiequ li l-ħolm tagħhom iseħħ, il-Mulej qed jgħid lil kull wieħed minna, “Agħtihom int stess jieklu!” U int tista’ twieġeb, “Imma ma tantx għandi minn fejn, m’iniex kapaċi.” Mhux veru! Il-ftit li għandek għandu valur kbir f’għajnejn Ġesù, basta ma żżommux għalik. M’intix waħdek, għax għandek l-Ewkaristija, ikel għall-vjaġġ, il-ħobż ta’ Ġesù.
  • L-Ewkaristija mhijiex premju għal min hu tajjeb imma mediċina għal min hu dgħajjef.
  • Fl-Ewkaristija Ġesù jingħata u jinqasam, u jitlob lilna wkoll li ningħataw u ninqasmu għall-oħrajn.
  • L-Ewkaristija hija s-Sagrament tal-għaqda. Jalla dan il-Ħobż tal-ħajja jfejjaqna mill-ambizzjoni li nkunu aqwa mill-oħrajn, mir-regħba li nikkapparraw kollox għalina, ifejjaqna milli nkebbsu l-firda u nxerrdu l-kritika. Jalla jqajjem fina l-ferħ li nħobbu lil xulxin bla pika, bla għira u bla tqassis fuq xulxin.
  • Il-Ħobż hu tassew il-Ġisem ta’ Kristu mogħti għalina, u l-Inbid hu tassew id-Demm tiegħu mxerred għalina. L-Ewkaristija hija Ġesù stess li jagħti lilu nnifsu għalina. Jekk immantnu lilna nfusna bih u ngħammru fih permezz tat-Tqarbin, u nagħmlu dan bil-fidi, da nil-Ħobż jibdlilna ħajjitna f’għotja.
  • L-Ewkaristija mhijiex Sagrament għalija biss imma għal dawk kollha li flimkien jiffurmaw il-Ġisem ta’ Kristu.
  • Immorru l-Quddies mhux biss biex nitolbu imma wkoll biex nitqarbnu, biex nirċievu dan il-Ħobż li hu l-Ġisem ta’ Ġesù li jsalvana, jaħfrilna u jgħaqqadna mal-Missier.
  • Kull darba li nieħdu sehem fil-Quddiesa nkunu qisna diġà qegħdin fis-Sema, avolja għadna ngħixu f’din id-dinja.
  • Min imantni ruħu bil-Ħobż ta’ Kristu ma jistax jibqa’ indifferenti quddiem dawk li ma għandhomx il-ħobż ta’ kuljum.
  • It-Tqarbin huwa preżenza li bħan-nar teqred minn ġo fina l-imġiba egoista, tnaddafna mit-tendenza li nagħtu biss jekk inkunu rċevejna, u tqajjem fina x-xewqa li bħal Ġesù nagħmlu lilna nfusna ħobż maqsum u demm imxerred għall-oħrajn.
  • Aħna ma nitqarbnux għax irridu nidhru aħjar mill-oħrajn imma propju għax inħossu li dejjem għandna bżonn li nħossuna milqugħa u riġenerati mill-ħniena ta’ Alla magħmula bniedem f’Ġesù Kristu.
  • “Ewkaristija” bil-Grieg tfisser “ringrazzjament”. Għalhekk is-Sagrament jissejjaħ Ewkaristija, għax huwa l-ogħla ringrazzjament lill-Missier li tant ħabbna li tana lil Ibnu stess.
  • Ġesù qal, “Min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem” (Ġw 6:58). Iva, jekk ngħixu f’għaqda reali ma’ Ġesù f’din id-dinja jgħinna ngħaddu mill-mewt għall-ħajja. Is-Sema jibda propju minn din l-għaqda ma’ Ġesù.
  • (Lit-tfal tal-Ewwel Tqarbina) Ftakru li llum qed tiċċelebraw l-Ewwel Tqarbina … mhux l-Aħħar Tqarbina! Ftakru li Ġesù jkun dejjem jistenniekom.
  • L-Ewkaristija tgħinna naraw wiċċ Ġesù fl-oħrajn.

Tista’ tara l-verżjoni sħiħa ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.

Flimkien Cover Gunju