Jiddiskutu Pilatus Bank fi Brussell

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ddiskuta l-aħħar żviluppi b'rabta mal-arrest taċ-Chairman tal-bank Pilatus fl-Istati Uniti mal-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani.
F’laqgħa li kellu mieghu fi Brussell, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia saħaq li mhux se jippermetti li l-Gvern ikompli jagħmel ħsara lis-settur tas-servizzi finanzjarji ta' Malta.
Spjega li se jiddefendi lil Malta kemm mill-lat ta' reputazzjoni, kif ukoll f'dak li għandu x'jaqsam mal-eluf ta' impjiegi f'dan is-settur.
Din kienet l-ewwel laqgħa ta' Adrian Delia ma' Antonio Tajani minn meta Delia ġie elett bħala Kap tal-PN.
Id-delegazzjoni tal-PN hija ffurmata wkoll mis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew David Casa, u s-Segretarju Internazzjonali Roselyn Borg Knight.
Waqt laqgħa oħra fi Brussell, Adrian Delia ltaqa’ mal-Kummissarju Ewropew Pierre Moscovici li fiha tkellmu dwar ir-reputazzjoni tajba li għandha Malta fis-settur marittimu. Delia stqarr li l-aħbarijiet ta' din il-ġimgħa m'għandhomx jintużaw biex iħallu effett negattiv fuq l-ekonomija ta' Malta.
Il-PN qed jattendi għal-laqgħa tal-membri tal-Partit Popolari Ewropew qabel ma jsir is-Summit tal-Kunsill Ewropew. fejn hemmhekk, Adrian Delia, ltaqa' mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Jucker u mal-Kap tal-Grupp tal-PPE fil-Parlament Ewropew Manfred Weber.