​Jiddikjara mħabbtu u jarrestawh

Żgħażugħ minn Ohio, l-Istati Uniti ħaseb li jkun romantiku b’mod oriġinali meta ppropona lit-tfajla tiegħu billi sprejja ma’ ħajt ta’ kumpless tal-ħwienet. Il-pulizija, iżda, innutaw li kien kiser il-liġi.
Kyle Stump ta’ 23 sena pinġa l-kliem “Michelle iżżewwiġni. Inħobbok” u żied qalb ukoll. Ħa spazju kbir mhux ħażin mal-ġenb tal-istabbiliment.
It-tfajla tiegħu ma ndunatx b’li kien għamel u ħadha filgħaxija biex juriha b’torċ dak li kien kiteb.
It-tweġiba kienet “iva” u ftit jiem wara l-pulizija arrestawh meta xi ħadd għaddielhom l-informazzjoni u qabblu l-kitba tiegħu ma’ formola li mela fl-2012.
Quddiem il-qorti, Stump seta’ weħel sa 60 ġurnata ħabs u multa ta’ madwar €500. Imma l-maġistrat tah sentenza sospiża u multa ta’ madwar €200. Irid iħallas ukoll madwar €350 biex jitnaddaf il-ħajt mill-kitba tiegħu u jrid jagħmel 80 siegħa servizz fil-komunità.
Stump qal li jifhem li għamel ħażin għalkemm iħoss li s-sentenza kienet ħarxa ħafna. Imma qal li se jibqa’ pożittiv u lit-tfajla se jixtrilha ċurkett xorta imma jrid iħallsu bin-nifs.