Jiddibattu l-edukazzjoni, x-xogħol…u l-kulur tal-uċuħ

F’dibattitu politiku ieħor organizzat mill-Awtorità tax-Xandir, rappreżentanti tat-tliet partiti ddiskutew suġġett magħżul mill-Partit Laburista, Uċuh Maltin – Poplu Wieħed. Spikkaw diversi suġġetti interessanti fosthom is-saħħa u l-edukazzjoni. Ma setgħax jonqos li jkun hemm referenzi għall-kulur tal-uċuħ.

Fil-ftugħ tad-dibattitu, Dr Chris Fearne qal li l-istorja hija magħmula minn gvernijiet differenti u issa, wara żmien ta’ politika divisiva, n-nies tixtieq politika ġdida. Saħaq li l-Partit Laburista, anke mill-oppożizzjoni għamel minn kollox biex jaġixxi fl-interess nazzjonali. Semma’ li l-PL qed jipproponi ‘action team’ biex jagħti pariri finanzjarji lill-gvern. Spiċċa l-introduzzjoni billi staqsa lil Simon Busuttil u l-Beppe Fenech Adami jekk il-PN jkunx lest li jaħdem mal-gvern jekk ikun fl-oppożizzjoni.

Simon Busuttil, irreaġixxa għall-mistoqsija ta’ Dr Fearne bili qal li dak li qed jgħid huwa biss ‘paroli fil-vojt’. Saħaq li l-islogan tal-PL huwa mibni fuq premessa ħażina. Semma’ kif kien dan il-gvern li laħħaq president tar repubblika mill-Partit Laburista. Dr Busuttil qal li t-triq li qed joffri il-PL tibqa sejra biss għal ġol-ħajt. Dr Busuttil insista biex il-poplu jiddeċiedi fuq is-sustanza.

Mario Mallia, f’isem l-Alternattiva Demokratika, qal li l-partit tiegħu jgħid dak li jħoss. Qal li n-nuqqas ta’ teatrini tatihom il-libertà li jgħidu dak li jħossu.L-AD,saħaq Mario Mallia, lesta tiġġieled kontra l-bini illegali, bħal per eżempju l-bini illegali li hemm fl-Armier.

Dr Luciano Busuttil, f’isem il-PL, qal li Dr Simon Busuttil u GonziPN jemmnu f’firda partiġġjana u fil-kulur tal-uċuh. Qal li “Malta tagħna lkoll” mhix slogan imma roadmap ċara ta’ kif il-PL irid imexxi dan il-pajjiz biex ikun l-aqwa fl-Ewropa. Huwa għamel referenza partikolari lejn il-billbord li għamel il-PN, dak taż-żewġt uċuħ wieħed blu u l-ieħor aħmar. Kompla billi wera’ karta bil- billbord pprintjat fuqha, u qattagħha.

Fl-intervent tiegħu, Beppe Fenech Adami semma’ d-differenzi bejn iż-żewġ partiti. Semma’ kif l-PN ma jħarisx lejn il-kulur tal-uċuħ fejn tidħol saħħa b’xejn. L-istess jista’ jintqal għall-edukazzjoni, saħaq Fenech Adami. Dr Beppe Fenech Adami qal li l-PL qas kellu l-kuraġġ jibgħat l-manifest elettorali ,filwaqt l l-PN bgħat programm f’kull dar f’Malta u Għawdex.

Ritratti: Daniel Balzan