Jiddaħħlu inqas pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali fi żmien il-coronavirus

Dr John M Cachia, il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali qal li l-pazjenti li jiddaħħlu b’mod mhux volontarju skont l-Att tas-Saħħa Mentali naqas bi 15% mis-sena li għaddiet, fl-ewwel 50 ġurnata tal-coronavirus f’Malta.

Fi stqarrija maħruġa minn dan l-Uffiċċju, intqal illi kien hemm total ta’ 144 appuntament skedat, skont l-Att tas-Saħħa Mentali, għall-kura tas-saħħa mentali b’mod mhux volontarju. Dawn ikkonsistew f’102 pazjenti li tlieta minnhom kienu minuri.

L-Uffiċċju tal-Kummissarju tas-Saħħa faħħar id-diversi inizjattivi li qegħdin jittieħdu bħalissa sabiex tiġi promossa s-saħħa mentali u biex in-nies li jħossuhom waħedhom jew li tirkibhom l-ansjetà jiksbu l-għajnuna.

Sadattant, it-tim tal-Kummissarju u l-Kummissarju nnifsu, Dr John M. Cachia, se jibqgħu jadvokaw għas-saħħa mentali minkejja ż-żminijiet diffiċli li għaddejjin minnhom. Xi wħud mill-impjegati qegħdin jaħdmu mid-dar, filwaqt li xi servizzi li bilfors iridu jingħataw mill-uffiċċju għadhom qegħdin jingħataw.

Minkejja li l-professjonisti tas-saħħa mentali xorta jridu jiltaqgħu mal-pazjenti f’ħafna każijiet, is-servizz ġie organizzat b’mod differenti f’faċilitajiet tas-saħħa mentali liċenzjati, billi nħolqu żoni ta’ kwarantina siguri, u ttieħdu miżuri biex l-impjegati, il-pazjenti u r-residenti ma jkunux esposti għall-Covid-19.

L-Uffiċċju tal-Kummissarju appella biex dawk li jħossu l-bżonn ta’ trattament ma jipposponux dal-bżonn, iżda jfittxu l-għajnuna.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn