Jiddaħħal il-leave bi ħlas għal dawk li jagħmlu l-IVF

Il-Ministru Carmelo Abela ħabbar kif il-Gvern ippubblika Avviż Legali biex mil-lum individwi u koppji jistgħu japplikaw għal-leave bi ħlas jekk ikunu għaddejjin minn proċess ta’ Prokreazzjoni Medikament Assistita, magħrufa aħjar bħala l-proċess tal-IVF.

Il-Ministru responsabbli mill-kundizzjonijiet tax-xogħol qal li l-Gvern hu kommess li jagħti aktar drittijiet lill-ħaddiema u jaffettwa b’mod tanġibbli l-bilanċ bejn il-progress fil-ħajja professjonali u l-aspirazzjonijiet fil-ħajja privata.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela spjega kif b’dawn l-emendi, ġenituri prospettivi u persuni waħedhom (single) u li huma impjegati, u li jissottomettu ruħhom għall-proċess ta’ prokreazzjoni medikament assistita, se jkunu intitolati għal 60 siegħa leave bi ħlas sħiħ mingħand il-prinċipal tagħhom. Huwa stqarr ukoll li dan se jkun eleġibbli għal kull ċiklu, sa massimu ta’ tliet proċessi tal-IVF.

Id-Dipartiment tal-Informazzjoni qal li l-Ministru semma’ kif dawn l-emendi jieħdu inkonsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-identità tal-ġeneru ta’ persuna tista’ tkun differenti mill-karatteristiċi tiegħu jew tagħha. Per eżempju, persuna jista’ jkollha Karta tal-Identità li fuqha jkun hemm imniżżel li s-sess tagħha huwa dak ta’ “raġel”, iżda l-karatteristiċi sesswali fiżiċi ta’ dik il-persuna jkunu ta’ mara, jew viċi versa.

Anke għal dawk li jkunu donaturi

Il-Ministru Abela ħabbar kif similarment, fejn wieħed mill-ġenituri prospettivi jkun donatur ta’ ovoċit (oocyte – ċellula ġerminali tal-mara li tista’ tiżviluppa f’bajda, li mbagħad tkun tista’ tiġi ffertilizzata) u l-ġenitur prospettiv l-ieħor ikun ir-riċevitur, jekk ikunu impjegati, dawn il-ġenituri prospettivi se jkunu intitolati għal 60 siegħa ta’ leave bi ħlas sħiħ mingħand il-prinċipali rispettivi tagħhom. Qal kif, barra minn hekk, permezz ta’ dawn l-emendi, anki d-donatur ta’ ovoċit li mhux se jkun ġenitur prospettiv, se jkun intitolat għal 60 siegħa ta’ leave bi ħlas mingħand il-prinċipal.

Il-Ministru Abela nnota kif dawn l-emendi saru wara konsultazzjoni mal-Bord dwar ir-Relazzjonijiet dwar l-Impjiegi kif ukoll  ma’ uffiċjali tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni u tad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni.