Jiddaħħal f’port Taljan bastiment ieħor mitluq bl-immigranti

Iddaħħal fil-port Taljan ta’ Corigliano Calabro, il-bastiment abbandunat mill-ekwipaġġ li kien qed iġorr 360 immigrant irregolari.
Il-bastiment Elzadeen daħal fil-port Taljan ftit qabel il-11 tal-lbieraħ filgħaxija.
Jidher li ma baqgħux jaħdmu il-magni ta’ dan il-bastiment li huwa reġistrat fi Sjerra Leon, meta kien jinsab fil-Mediterran.
Wara li tniżżlu fl-Italja, irriżulta li dawk abbord kienu kollha ġejjin mis-Sirja fejn kellhom jittieħdu lejn diversi partijiet tal-Italja permezz ta’ kowċ.
L-istat ta’ saħħa tagħhom kien jidher relattivament tajjeb, minkejja li għamlu tlett ijiem weqfin fil-baħar.
Iktar kmieni din il-ġimgħa, mat-800 immigrant ieħor ġew salvati minn fuq bastiment ieħor li wkoll spiċċa abbandunat mill-membri tal-ekwipaġġ.
Kelliema għall-Frontex qalet li dawn l-immigranti huma vittmi ta’ dik li sejħet bħala “rotta alternattiva” biex jiġu ttraffikati persuni b’mod illegali.
Ħafna minn dawn il-vjaġġi qed jitilqu mit-Turkija.