Jiċħad li pprova joqtol żagħżugħ f’Ħal Għaxaq fl-Ewwel tas-Sena

Raġel ta’ 37 sena minn Ħal Għaxaq qed jinżamm arrestat wara li dalgħodu ċaħad quddiem il-Qorti li attakka b’arma li taqta’ u bil-ponta bil-ħsieb li joqtol żagħżugħ ta’ 26 sena, li jgħix Ħal Għaxaq ukoll.
L-inċident seħħ fis-sigħat bikrin tas-sena l-ġdida fi Triq ir-Rebbiegħa f’Ħal Għaxaq stess.
Il-Pulizija akkużat lir-raġel ta’ 37 sena li, minbarra li pprova joqtol liż-żagħżugħ, li sofra ġrieħi gravi, billi jagħtih għadd ta’ daqqiet bl-arma tiegħu, huwa kiser il-paċi pubblika u kien qed iġorr arma fuqu mingħajr liċenzja.  
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrieh, iżda ma talabx ħelsien mill-arrest.
L-Avukat tal-Għajnuna Legali Noel Cutajar spjega lill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, li kienet qed tisma’ l-każ, li l-akkużat bħalissa huwa qiegħed u qabad il-vizzju tad-droga, u għalhekk talab biex l-akkużat jingħata l-għajnuna neċessarja biex jegħleb il-vizzju.
Għal din ir-raġuni, il-Maġistrat ordnat lid-Direttur tal-Ħabs biex iwettaq eżami mediku fuq l-akkużat u jipprovdilu l-għajnuna li jkollu bżonn fil-faċilità korrettiva ta’ Kordin, jekk jirriżulta li għandu l-vizzju tad-droga.