Jiċħad li heżżeż lit-tarbija

In-Niġerjan mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ iben l-ekssieħba tiegħu ċaħad li heżżeż lit-tarbija.
Fix-xhieda tiegħu r-raġel qal li ġie Malta fl-2008 meta laħaq ftehim ma’ klabb tal-futbol Għawdxi biex jilgħab magħhom. Qal li ltaqa’ mal-ekssieħba tiegħu f’bar f’Buġibba. Huwa ddeskriva r-raġel tal-ekssieħba tiegħu bħala bniedem mhux serju tant meta ġiet biex twelled żewġha kien miżżewwġ u mar hu l-isptar.
Stqarr li kien ikollha ħafna argument mar-raġel tagħha u li kien isawwatha. Qal li kien stedinha tmur toqgħod għandu flimkien mat-tifel meta sar jaf li r-raġel tagħha kellhu l-HIV. Żied jgħid li minn hekk ir-relazzjoni ta’ ħbiberija nbidlet u bdew joħorġu flimkien. L-akkużat qal li beda jieħu ħsieb lit-tifel hu minflok jieħduh għand baby sitter. Qal li r-relazzjoni bejnu u bejn it-tifel kienet waħda tajba u sostna li l-ewwel kelma li kien qal kien ismu.
Huwa semma kif darba huwa u l-ekssieħba kienu d-dar meta sema’ lit-tifel jibki u xħin mar jara x’ġara nduna li kien waqa’ mis-sodda.
Dwar l-allegat żewġ inċidenti li fihom it-tifel iddaħħal l-isptar, ix-xhud spjega kif filgħodu l-eksiseħba marret ix-xogħol u huwa qagħad id-dar miegħu. Żied jgħid li ħin minnhom semgħu jisgħol u deherlu li ra mnieħru u ħalqu bħal maħmuġin u ħaseb li kien xeraq fl-ikel. Stqarr li kien għalhekk li beda jagħtih fuq sidru għax ħaseb li kien tah ħafna x’jiekol imbagħad ħadu fil-kamra tal-banju biex jaħslu. Sostna li aktar tard it-tifel beda jistira u jitriegħed u snienu kienu se jingħalqu u għalhekk daħħal subgħajh f’ħalq it-tifel.
Dwar it-tieni inċident ix-xhud sostna li wara li ommu sqietu u marret ix-xogħol it-tifel reġa’ raqad.Stqarr li ħin minnhom sema’ lit-tifel jonħor mhux bħas-soltu u xħin mar ħdejh rah differenti mis-soltu u lemħu jitriegħed. Żied jgħid li tefa’ lit-tifel fuq ġenbu u prova jċempel lil omm it-tifel.