Jiċċirkondaw karozza f’Buġibba u jsibu mijiet ta’ ewro u d-droga

CMRU

Il-Pulizija sabet ammont tad-droga kokaina u mijiet ta’ ewro fi flus kontanti f’vettura li rnexxielha twaqqaf qrib il-pjazza ta’ Buġibba.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li l-ħidma tagħha kontra t-traffikar tad-droga saret ilbieraħ filgħaxija għall-10pm.

Il-Pulizija kienet ilha xi ħin issegwi vettura li minn investigazzjonijiet li saru rriżulta li allegatament xi persuni li kienu fiha kienu qed jitraffikaw id-droga. F’ħin minnhom iċċirkondaw il-vettura u fiha sabu żewġ persuni. Dawn huma żagħżugħ ta’ 24 sena u żagħżugħa ta’ 20 sena li t-tnejn ġew arrestati.

Saret tfittxija fil-vettura u fil-vettura nstabet d-droga kokaina u ammont ta’ flus kontanti. Iktar investigazzjonijiet matul is-sigħat illi għaddew wasslu biex il-Pulizija se tressaq il-Qorti il-ġuvni ta’ 24 sena illum fis-2.30pm quddiem il-Maġistrat Dr. Rachel Montebello.