Jibqa’ taħt arrest talli tajjar anzjan u baqa’ sejjer

Raġel qed jinżamm arrestat taħt l-akkuża li tajjar anzjan f’Ħal Qormi l-ġimgħa li għaddiet u baqa’ sejjer.

Il-Libjan ta’ 29 sena ġie akkużat li tajjar lil raġel ta’ 69 sena, weġġgħu gravi, għamel il-ħsara lil propjetà terza u li saq b’mod perikoluż. Apparti minn hekk, baqa’ sejjer meta d-dawl kien aħmar, ma waqafx wara l-inċident, saq mingħajr liċenzja jew assigurazzjoni u hu riċediv.

Ir-raġel allegatament kien qed isuq il-karozza tas-sieħba tiegħu meta tajjar lir-raġel li kien qed jaqsam miż-zebra crossing fl-10 ta’ Jannar.

Huwa wieġeb mhux ħati u talab għall-ħelsien mill-arrest. L-avukati tiegħu argumentaw li għalkemm għall-bidu ppanikja u baqa’ sejjer, imbagħad mar l-għassa tal-pulizija minn jeddu.

Madankollu, l-Ispettur Alfredo Mangion mill-Prosekuzzjoni qal li l-vittma, li għadu qed jirkupra l-isptar, huwa persuna vulnerabbli. Fadal ukoll li jixhdu xi nies li raw il-każ iseħħ quddiem għajnejhom.

Apparti dan, l-indirizz tal-akkużat ma qabilx ma’ dak fuq il-karta tal-identità tiegħu, peress li bħalissa qed joqgħod mas-sieħba tiegħu s-Siġġiewi.

Il-Maġistrat Nadine Lia eventwalment iddeċidiet li tiċħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest, u għalhekk l-akkużat qed jinżamm arrestat.