Jibqa’ taħt arrest ir-raġel akkużat li qatel lil ommu u lil zitu

Christoph Schwaiger

Ir-raġel li qatel lil ommu u lil zitu fil-Għargħur xi ġimgħat ilu baqa’ jinżamm taħt arrest wara li llum kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ tiegħu.

Qed jiġi allegat li wara argument, l-akkużat li għandu 42 sena mill-Għargħur attakka lil ommu u lil zitu. Iz-zija tiegħu ta’ 74 sena mill-Mosta nqatlet fuq il-post u ommu ta’ 71 sena mill-Għargħur mietet l-isptar Mater Dei.

Fost ix-xhieda, l-ispettur Mario Sciberras qal li meta wasal fuq il-post sab lill-akkużat imdawwar bil-Pulizija. Spjega li kellu l-flokk tiegħu imċappas bid-demm.

Sostna li Surġent tal-Pulizija għamel xi tfittxijiet fid-dar tal-akkużat flimkien ma’ xi uffiċjali oħrajn u fil-preżenza tal-akkużat. Minn dan it-tfittix instabu numru ta’ mowbajls u xi mediċini. Saru wkoll xi tfittxijiet f’żewġ karozzi.

Antoine Agius, uffiċjal ieħor li xehed quddiem il-Qorti, qal li meta waslu fuq il-post l-akkużat fetħilhom il-bieb u ġie arrestat minnufih. Qal li kollega tiegħu ċempel għal ambulanza meta ra liż-żewġ nisa midruba.

Il-każ se jkompli jinstema’ fis-26 ta’ Settembru.