Jibqa’ mingħajr liċenzja tat-taxis, imma tinbidel il-liġi

Xufier tat-taxi se jibqa’ mingħajr liċenzja biex isuq it-taxi, iżda bis-saħħa tal-każ tiegħu l-Qorti nbidlet il-liġi.
Joe Cassar kien ilu aktar minn 40 sena xufier tat-taxis, iżda dan kollu ntemm meta Transport Malta avżatu b’ittra li l-liċenzja ta’ xogħlu ma kinitx se tiġġedded minħabba ċitazzjoni ta’ €100 fl-2016.
Ix-xufier kien laqqatha meta baqa’ għaddej minn fuq l-aħmar biex ilaħħaq iwassal lill-passiġġiera l-ajruport.
Hu appella fit-Tribunal Amministrattiv, iżda l-Qorti ma laqgħetx it-talba tiegħu għax il-liġi tgħid ċar u tond li biex tiġġeddidlek il-liċenzja tat-taxis irid ikollok kondotta nadifa u ma tkunx qlajt ċitazzjoni waħda fl-aħħar sentejn.
Il-kontravvenzjoni tkun liema tkun, anki waħda żgħira jew venjali.
Il-Maġistrat Charmaine Galea semgħet fil-Qorti li s-sewwieq kien qed jirriskja li jitlef ix-xogħol li jgħix bih.
Qalet li ħassitha perplessa bid-diskrepanza li teżisti f’dil-liġi, u filwaqt li kellha żżomm mad-deċiżjoni ta’ Transport Malta, talbitha tirrivedi dil-liġi.
Jidher li l-appell ma waqax fuq widnejn torox, għax fil-Gazzetta tal-Gvern tat-13 t’April, intqal li l-liġi nbidlet u issa titlob li biex iġġedded il-liċenzja trid tkun persuna ta’ kondotta nadifa, ikollok liċenzja tas-sewqan, trid tattendi korsijiet apposta, u ovvjament tgħaddi mill-eżamijiet.
Ritratt: Arkivji