“Jibqa mfakkar għal karattru sabiħ”; tingħata l-aħħar tislima lil Fredu

Ritratti: Jes Saliba

Illum fil-Knisja Arċipretali tas-Siġġiewi ngħatat l-aħħar tislima lil Fredu Borg, raġel li kien jgħix u jgħin fid-Dar tal-Providenza. Huwa miet is-Sibt li għadda. 

Waqt l-omelija tal-funeral, Fr Trevor Fairclough qal li Fredu kellu n-namra għas-santi, għas-somom u għall-ajruplani. Huwa qal li Ġesu wkoll għandu namra – mhuwiex innamrat ma’ dawk li jippretendu li jafu kollox, iżda ma’ dawk ċkejkna fl-imġiba. Saħaq li missna nitgħallmu nħobbu u ninżlu mill-pedestall li tellgħajna lilna nfusna fuqu.

Fuq Facebook, id-Dar qalet li Fredu se jibqa’ mfakkar għal karattru sabiħ ħafna tiegħu u l-involviment tiegħu f’kollox. Żiedet tgħid li kellu namur għax xogħol fit-tafal, tpinġija, u li jiltaqa’ man-nies, waqt li s-safar kien il-gost tiegħu. 

Fredu kien ilu jgħix id-Dar tal-Providenza għal dawn l-aħħar 45 sena.

Illum tajna l-aħħar tislima lil ħuna Fredu. Fredu kien ilu jgħix Id-Dar tal-Providenza għal dawn l-aħħar 45 sena. Jibqa…

Posted by Dar Tal-Providenza Siggiewi on Tuesday, July 7, 2020