Jibqa’ ma jintlaħaqx ftehim: is-Summit tal-UE se jkompli llum fl-4pm

Read in English.

Il-mexxejja tal-UE baqgħu ma laħqux ftehim wara tlett ijiem ta’ negozjati dwar pjan biex iqajmu mill-ġdid l-ekonomiji wara d-daqqa tal-pandemija tal-Covid-19, hekk kif Charles Michel, il-President tal-Kunsill Ewropew, talabhom imbuttatura tal-aħħar biex jilħqu l-“missjoni impossibbli”.

Id-diskussjonijiet f’dan is-summit li riesaq lejn rekord fid-durata tiegħu se jkomplu aktar tard wara nofsinhar, fl-4pm.

Charles Michel fakkar lis-27 mexxej tal-Unjoni Ewropea li aktar minn 600,000 persuna mietu bil-coronavirus madwar id-dinja u li huma kellhom ir-responsabbiltà li jiġbdu ħabel wieħed quddiem kriżi bla preċedent.

“It-tama tiegħi hi li nilħqu ftehim u li t-titli fil-gazzetti għada jkun li l-UE rnexxilha twettaq missjoni impossibbli”, sostna l-President tal-Kunsill waqt li l-mexxejja kieku flimkien għat-tielet lejla konsekuttiva fiċ-ċentru tal-konferenzi fi Brussell. “Nawgura dan minn qalbi, wara tlett ijiem xogħol bla waqfien”.

L-Istati Membri mhux qed jaqblu kif għandu jinħoloq il-fond enormi li għandu jgħin biex joħroġ lill-Ewropa mill-agħar riċessjoni sa mit-Tieni Gwerra Dinjija, u liema kundizzjonijiet għandu jġorr miegħu.

Uffiċjali għolja involuti qalu li l-mexxejja jistgħu jabbandunaw is-summit u jerġgħu jippruvaw jilħqu qbil ix-xahar id-dieħel, iżda hekk kif in-negozjati komplew għaddejjin matul is-sigħat bikrin tat-Tnejn, il-possibbiltà ta’ ftehim kienet għadha hemm.

Il-proposta tinkludi l-baġit li jmiss tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fond speċjali ta’ rkupru ekonomiku, li flimkien jammontaw għal 1.8 triljun ewro.

Il-pakkett ta’ 750 biljun ewro propost bħala fond ta’ rkupru jkun jista’ jissellef mill-Kummissjoni Ewropea f’iseh mis-swieq kapitali kollha, deċiżjoni li tkun tfisser pass storiku lejn integrazzjoni aktar, fondi li primarjament ikunu mmirati lejn il-pajjiżi tal-Mediterran li kienu l-aktar milquta bil-kriżi.

Kull sforz biex jintlaħaq qbil sal-Ħadd falla, hekk kif proposta li 400 biljun ewro minn dan il-fond jingħataw f’għotjiet – 100 inqas mill-proposta oriġinali – kienet rifjutata mill-pajjiżi tat-Tramuntana li qed jinsistu fuq limitu ta’ 350 biljun.

Iżda matul il-lejl, il-partijiet bdew joqorbu aktar lejn xulxin, b’Michel jirreferi għal proposta ġdida ta’ 390 biljun ewro li parti żgħira minnhom ikunu suġġett għal rifużjonijiet.