L-Arċisqof jappella għal rispett lejn kull persuna

L-Arċidjoċesi ta’ Malta tisħaq li kull persuna jistħoqqilha rispett għax kull bniedem huwa xbieha ta’ Alla. Dan ikompli mal-appell tal-Arċisqof Charles Scicluna, li fi tweet sostna li jibqa’ l-obbligu tal-Insara, li jirrispettaw lil kull persuna umana maħluqa fi xbieha t’Alla, li hu mħabba.
Newsbook.com.mt talab ir-reazzjoni tal-Kurja dwar l-artiklu ta’ Fr David Muscat li deher fit-Times tal-lum, u staqsa dwar jekk dan jirriflettix il-pożizzjoni tal-Knisja.
Fr David kiteb li koppji Maltin tal-istess sess qatt mhu se jkunu jistgħu jitilgħu fuq l-artali tal-katidrali, tas-santwarji u tal-kappelli fil-kampanja. Żied jgħid li għall-kuntrarju tal-eterosesswali, dawn il-koppji mhux se jesperjenzaw il-barka huma u jiddikkjaraw il-kunsens matrimonjali quddiem Alla u l-Knisja.  Saħaq li minkejja li jitolbu lil Alla biex jiftħilhom il-bieb, dan se jibqa’ magħluq.
Kelliem għall-Arċisqof qal ma’ Newsbook.com.mt li l-Knisja ma taqbel qatt ma’ kliem insensittiv jew offensiv.
Stqarr li l-Knisja tistieden lill-membri tagħha biex ikunu xhieda tal-imħabba ta’ Alla, bil-mod li jiddjalogaw fis-soċjetà.
Żied jgħid li b’hekk l-insara jkunu jistgħu jgħinu lill-oħrajn, anke meta jkunu affaċċjati b’sitwazzjonijiet, fejn il-Knisja ma tistax tapprova liġi li tmur kontra t-twemmin tagħha. 
Il-kelliem fakkar fi kliem il-Papa Franġisku, li jistieden lil kulħadd biex jibni l-pontijiet ta’ djalogu u mhux ħitan ta’ mibegħda.
Temm jgħid li dan huwa simili għal dak li spiss jappella l-Arċisqof Charles Scicluna, dwar bini ta’ pontijiet ma’ persuni gay, li għandhom jintlaqgħu mill-Knisja u jkunu akkumpanjati mis-saċerdoti tagħha. 
Għada, il-Parlament se jivvota fuq l-abbozz li jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ u Liġijiet oħra, li se jippermetti ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess.