Jibqa’ fil-limbu pazjent bl-Epitate Ċ

Pazjent li nstab li jbati mill-Epitate Ċ (infezzjoni fil-fwied) ressaq ilment quddiem l-Uffiċċju tal-Ombudsman għax fi kliemu l-Ministeru għas-Saħħa ma pprovdilux il-mediċina li ordnalu l-konsulent tiegħu.
Minħabba f’hekk, dan il-pazjent, “bi tbatija finanzjarja,” kellu jixtri l-mediċina minn butu minkejja li t-trattament jiswa ħafna flus.
Min-naħa tiegħu, l-Uffiċċju tal-Ombudsman irrefera dan il-każ lill-Kummissarju għas-Saħħa li investiga l-każ.
Minn dak li stqarr miegħu l-pazjent, jidher li kien diġà rċieva trattament għall-marda, iżda l-Konsulent kien talab li jkompli bil-mediċina għal erba’ ġimgħat oħra minħabba l-fatt li kien għad hemm traċċi tal-infezzjoni.
Minkejja li l-Ministeru għas-Saħħa kien ħallas għall-ewwel trattament li dam 12-il ġimgħa, jidher li din id-darba ma approvax li l-pazjent jirċievi iżjed għajnuna.
Minħabba l-prezz għoli ta’ din il-mediċina, il-konsulent kien offra lill-pazjent kuntatt ta’ fornituri barranin minn fejn seta’ jixtri l-mediċina bi prezz irħas, iżda dan iddeċieda li ma jirriskjax għax beża’ li t-trattament ma jkunx effikaċi daqs dak li ngħatalu f’Mater Dei.
Il-pazjent kellu jixtri l-mediċina mingħand aġent lokali għax l-Isptar Mater Dei rrifjuta li jbigħ mill-provvista tiegħu, għax fi kliemu din kienet meħtieġa għall-pazjenti oħrajn.
Wara li l-Kummissarju għas-Saħħa tkellem mad-Dipartiment tas-Saħħa, dan tal-aħħar offra lill-pazjent li jħallaslu parti mill-ispiża. Iżda dak li offra kien jammonta għal anqas min-nofs.
Il-Kummissarju ma kienx kuntent u insista li l-pazjent kellu jitħallas lura l-ispiża kollha. Spjega li dan ma kienx qed jagħmlu b’kapriċċ, iżda fuq parir ta’ konsulent mediku.
Saħaq ukoll li anke l-fatt li d-Dipartiment talab li jħallas parti mill-ispiża, juri wkoll li dan ma kienx korrett meta talab lil dan il-pazjent jixtri l-mediċina minn butu.
Iżda, il-Kummissarju għadu sa issa mingħajr l-ebda tweġiba mid-Dipartiment tas-Saħħa dwar dan il-każ.