Jibqa’ arrestat għax aggredixxa 2 pulizija

Arkivji

Raġel baqa’ jinżamm taħt arrest wara li darab ħafif żewġ pulizija waqt li kien qed joħloq l-inkwiet f’bar fil-Marsa.

Ir-raġel ta’ 42 sena qed jiġi akkużat li insulenta u hedded żewġ uffiċjali tal-Pulizija waqt li kienu fuq xogħol, li kkawżalhom ġrieħi ħfief, li ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizja, li kiser il-paċi pubblika, li saq mutur mingħajr liċenzja, insurance u liċenzja tat-triq u li kien reċediv.

Fil-Qorti ħareġ kif il-Pulizija ssejħu sabiex jassistu f’bar fil-Marsa lbieraħ fejn sabu lill-akkużat jiddisturba l-paċi pubblika. Malli ra lill-Pulizija bħal eċita ruħu u ma kooperax. Malli l-pulizija ndunaw li ma kellux liċenzja tal-mutur ippruvaw jarrestawh u hu rreżista u kkawża ġrieħi ħfief lill-pulizija qabel ma ġie mmanettjat u ttieħed l-għassa tal-Ħamrun.

Hu wieġeb mhux ħati u d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-akkużat kien ilu f’relazzjoni għal 18-il sena u li minnha kellu t-tfal. Ġie spjegat li omm it-tfal mietet li xxukkjat lir-raġel. Madanakollu l-ispettur oġġezzjona hekk kif din ma kinitx l-ewwel darba li l-akkużat darba pulizija u għaldaqstant jemmen li l-atteġġjament tiegħu huwa perikoluż.

Il-Qorti ddikkjarat li ma kinitx konvinta li l-akkużat ma kienx se jikkommetti offiża oħra jekk ikollu jinħeles mill-arrest u għaldaqstant id-deċiżjoni li jinżamm arrestat ittieħdet.