Jibqa’ arrestat għalkemm ma ammettiex li “kaxkar” id-dar t’ommu

Raġel li allegatament żarma d-dar t’ommu, ma ngħatax il-libertà proviżorja minkejja li qal li huwa innoċenti.
Ir-raġel huwa Noel Abela ta’ 32 sena mill-Marsa, u qal li mhuwiex ħati ta’ serq aggravat, waqt li ċaħad li ommu kienet keċċietu mid-dar għal iktar minn darba.
Qal li lanqas mhu ħati ta’ pussess ta’ kokaina u eroina fil-ħin li ġie arrestat.
Fuq it-talba tal-prosekuzzjoni, il-Qorti ddeċidiet li r-raġel m’għandux jingħata l-libertà għax “kaxkar” kull ma sab fid-dar t’ommu, allegatament biex ikollu l-flus ħa jixtri d-droga.
Id-difiża sostniet li għadha ma ġietx preżentata b’lista tal-affarijiet li allegatament insterqu mid-dar, u ntqal li r-raġel għandu wkoll akkomodazzjoni alternattiva.
Madankollu l-qorti iddeċidiet li r-raġel ma jinħelisx mill-arrest għax meta mitlub fejn joqgħod, kien ta l-indirizz tad-dar t’ommu.