Jibgħat imejl lil 246 tfajla biex isib lil Nicole li ltaqa’ magħha

Student Kanadiż iltaqa’ ma’ tfajla jisimha Nicole f’bar li jidher li bi żball tagħtu numru ħażin u ddeċieda li jikseb l-imejls tat-tfajliet kollha li jisimhom Nicole fl-Università ta’ Calgary sabiex forsi jirnexxielu jsib lit-tfajla. Dan tant li bagħat 246 imejl.

Il-pass tiegħu beda kuntatti bejn dawn it-tfajliet li bdew jgħinuh jipprova jsib lit-tfajla li ltaqa’ magħha, u saħansitra bdewlu paġna fuq Facebook bl-isem ta’ “Nicole From Last Night”. Waħda mit-tfajliet li hija studenta tal-komunikazzjoni spjegat li issa bdew netwerk ta’ tfajliet li jisimhom Nicole.

15 mit-tfajliet iddeċidew li jiltaqgħu flimkien u jmorru jieħdu drink ġewwa bar l-għada ta’ meta ntbagħat l-imejl. Il-moviment ta’ tfajliet jisimhom Nicole irnexxielhom isibu lit-tfajla oriġinali li ddeċidiet li tibgħat messaġġ lil Zetina. Jidher li issa se jiltaqgħu l-ġimgħa d-dieħla biex jieħdu kafè flimkien.