Jibdew proċeduri legali biex ma jinqasamx id-Dipartiment tal-Kardjoloġija

Il-kirurgu tal-qalb, il-Prof. Albert Fenech fetaħ protest ġudizzjarju fejn qed jappella lill-Ministru tas-Saħħa biex iwaqqaf il-proċess li jifred fi tnejn id-Dipartiment tal-Kardjoloġija.

Il-Prof Fenech sostna li dawn kienu saru dipartiment wieħed 19-il sena ilu, minħabba problemi amministrattivi u ta’ kordinazzjoni.

Fil-protest tiegħu, Fenech qal kif fl-1995 hu sar responsabbli mid-Dipartiment tal-Kirurġija tal-Qalb filwaqt li fl-istess żmien il-Prof. Alex Manchè sar responsabbli mid-Dipartiment għall-kura ta’ kundizzjonijiet tal-qalb.

Dan il-protest ġudizzjarju segwa petizzjoni ffirmata minn disa’ mill-11-il konsulent li bħalissa jaħdmu f’dan id-dipartiment. Permezz tal-petizzjoni dawn il-konsulenti qed jitolbu biex il-pjan jitwaqqaf. Huma jinsabu urtati wkoll li l-Gvern iddeċieda mingħajr ma saret l-ebda konsultazzjoni magħhom.

Barra minn hekk jemmnu li jekk id-dipartiment jinqasam fi tnejn, dan se jkun ta’ detriment għax-xogħol tagħhom.

 

Ħalli kumment hawn b'ismek u kunjomok.