Ritratti: Jibdew l-ewwel funerali tal-vittmi fl-Eġittu

Bdew l-ewwel funerali tal-vittmi tal-attakki-bomba li seħħew ilbieraħ f’żewġ knejjes separati fl-Eġittu.
L-ISIS qalet li hi kienet il-moħħ wara l-attakki f’Ħadd il-Palm; liema attakki ħallew madwar 50 persuna mejta u iktar minn 100 persuna midruba.
Fil-belt ta’ Tanta, bdew jinġarru t-twiebet lejn St George’s, ix-xena fejn seħħ l-ewwel attakk.
Għadd ta’ mistoqsijiet qed jitqajmu dwar kif is-suspettat bomba suwiċida rnexxielu jidħol fil-knisja.
L-attakki kienu indirizzati lejn il-minoranza tal-Kristjani Kopti fl-Eġittu li jammontaw għal madwar 10% tal-popolazzjoni.
L-attakk f’Tanta ħalla madwar 30 mejta filwaqt li dak fil-Katidral ta’ San Mark f’Alexandria ħasad il-ħajja ta’ madwar 17-il persuna, fosthom uffiċjali tal-pulizija.
Il-President tal-Eġittu, Abdul Fatah al-Sisi, iddikjara stat ta’ emerġenza fil-pajjiż għat-tliet xhur li ġejjin.
Ritratt: Daily Mail