Jibdew jitressqu l-Qorti wara l-inċident f’Paceville

Fil-ġranet li ġejjin se jibdew jitressqu nies il-Qorti b'rabta mal-inċident li seħħ f'Paceville fil-15 ta' Novembru li għadda.
Dan wara li dalgħodu ġiet ippubblikata l-inkjesta tal-Maġistrat Dr Doreen Clarke.
L-inkjesta kkonfermat li l-folla ta' żgħażagħ bdiet ħierġa mill-istabilliment Plus One wara li żgħażugħ Malti ta' 18-il sena sprejja pepper spray lejn persuna ta' nazzjonalità barranija.
L-inkjesta tgħid li l-folla nġabbret fuq it-taraġ minħabba li ma kien hemm ħadd imexxi l-evakwazzjoni bir-riżultat li weġġgħu numru kbir ta’ nies. Uħud sofrew biss mill-effett tal-pepper spray filwaqt li oħrajn soffrew wara li waqgħu mit-taraġ wara li sfronda.
Fil-ħin tal-inċident, fl-istabbiliment kien hemm minn tal-inqas 450 persuna li huwa iktar mid-doppju ta' kemm jesa' l-post filwaqt li 34 persuna minnhom kienu taħt l-età. L-inkjesta tgħid ukoll li l-maġġoranza tagħhom tħallew jidħlu fi Plus One mingħajr ħadd ma waqqafhom jew talabhom il-karta tal-identità.
Mill-inkjesta ħareġ ukoll li l-aħħar rapport ta' sigurtà fuq il-post tal-inċident sar fl-2004, aktar minn ħdax-il sena ilu.
Id-diretturi tal-kumpanija Three Sixty Ltd. li tmexxi l-istabbiliment Plus One se jitressqu l-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ fosthom minħabba:

  • li ħallew persuni ta’ taħt 17-il sena jidħlu fl-istabbiliment;
  • nuqqas ta’ tħaris tas-saħħa u sigurtà;
  • nuqqas ta’ tħaris dwar rotot ta’ emerġenza u standards;
  • bejgħ jew fornitura ta’ alkoħol lill-minuri ta’ taħt 17-il sena.

F'laqgħa għall-ġurnalisti, il-Ministru Owen Bonnici qal li l-inkjesta maġisterjali ġiet konkluża fl-4 ta' Jannar.
Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar il-pubblikazzjoni tal-inkjesta, il-Ministru qal li din hija t-tieni darba li qed tiġi ppubblikata inkjesta maġisterjali u saħaq li dan ma jippreġudikax il-każ.
Qal li dan qed isir fl-aħjar interess tal-pubbliku u sostna li dan huwa "pass ta' aktar trasparenza mill-Gvern".