Minn din il-ġimgħa se jibdew jitqassmu l-pagamenti li jindirizzaw anomaliji u inġustizzji tal-imgħoddi. Dan tħabbar mill-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon u mill-Miniseru għall-Finanzi Edward Scicluna. Il-Ministru Falzon qal li sa mill-2017, ibbenefikaw ‘il fuq minn 8,000 benefiċjarju.
Il-pagamenti ta’ din is-sena se jibdew jingħataw minn din il-ġimgħa stess, hekk kif din hija miżura oħra tal-Baġit għas-sena 2021. Il-Ministru Michael Falzon qal li permezz ta’ dan il-ftehim, eks membri tal-korpi tax-xogħol, eks ħaddiema tax-xatt, u membri tal-korp tal-pulizija se jkunu kkumpensati għall-inġustizzji u l-anomaliji li sofrew fl-imgħoddi.
X’se jieħdu l-eks ħaddiema tal-Korpi u oħrajn li daħlu fis-servizz pubbliku?
Ftit aktar minn 3,000 persuna kienu daħlu jaħdmu fis-servizz pubbliku wara Jannar tal-1979 u li qabel kienu ngaġġati f’korpi tax-xogħol jew kienu msieħba fi skemi ta’ apprentistat imħaddma mill-gvern. Il-ħlas lil kull min huwa eliġibbli huwa marbut maż-żmien li damu jaħdmu f’dipartimenti tal-gvern bejn il-ħatra uffiċjali tagħhom u d-data tal-irtirar.
Dawk li applikaw l-ewwel darba, jew saru eliġibbli għax laħqu l-età tal-irtirar qed jitħallsu kemm l-għotja ta’ din is-sena kif ukoll tat-tliet snin ta’ qabel.
Din l-iskema ma tapplikax għal dawk li kienu f’wieħed mill-korpi li twaqqfu wara Jannar tal-1979. Bħalma ma tapplikax ukoll għal dawk il-persuni li qegħdin jirċievu jew li jistgħu jirċievu pensjoni tas-servizz.
X’se jieħdu l-eks ħaddiema tal-Korpi li daħlu jaħdmu fis-settur pubbliku?
Kien spjegat kif wara li ngħata widen għat-talbiet tal-eks membri tal-korpi li wara li spiċċaw mill-ingaġġ tagħhom daħlu jaħdmu f’entitajiet jew kumpaniji parastatali, tnediet skema b’termini u kundizzjonijiet apposta għalihom. Magħhom hemm inklużi wkoll eks ħaddiema tal-Gas Board li ġew trasferiti mal-Korporazzjoni Enemalta meta din twaqqfet.
L-għotja li qed jirċievu hija skont is-snin ta’ servizz fl-impjieg fis-settur pubbliku minn Jannar tal-1979 sad-data tal-irtirar tagħhom.
B’kollox din is-sena minn din l-iskema se jibbenefikaw aktar minn 1,500 persuna jew il-werrieta tagħhom.
Dawn iż-żewg skemi tħaddmu mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidjetà Soċjali u l-ħlasijiet lill-kategoriji kollha ta’ eks membri tal-korpi u tal-Gas Board globalment jitilgħu għal ftit aktar minn €7 miljun.
X’se jieħdu l-eks ħaddiema tax-xatt?
Fil-każ ta-iskema tal-eks ħaddiema tax-xatt din kienet miftuħa għal dawk il-persuni li kienu liċenzjati bejn l-4 ta’ April 1973 u l-1 ta’ Gunju 2007. Din tfasslet mill-gvern wara qbil milħuq bejn il-General Workers’ Union u l-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali.
Eliġibbli għal din l-iskema din is-sena kien hemm madwar 650 eks ħaddiema tax-xatt jew l-eredi tagħhom. Il-ħlasijiet tagħhom ilaħħqu madwar €2.7 miljun.
L-iskema għall-uffiċjali tal-Pulizija
Ir-raba’ skema kienet f’idejn il-Ministeru għall-Infurzar ta’ Liġi u kienet taħseb biex tpatti għal xogħol ta’ sahra mill-pulizija bejn Settembru tal-1993 u Diċembru tal-2009. Din is-sena, il-kumpens qed jirċevuħ aktar minn 2,500 benefiċjarju li f’dan iż-żmien kienu fil-grad ta’ Kuntistabbli, Surġent jew Surġent Maġġur u ħadmu sigħat addizzjonali bħala sahra li qatt ma tħallsu għalihom. Madwar nofshom għadhom iservu fil-korp, filwaqt li l-kumplament huma rtirati jew mejta.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna qal li, “Din il-miżura qed tiġi ppreżentata l-għada li l-Kummissjoni Ewropea approvat il-baġit li ġie ppreżentat ftit tal-ġimgħat ilu għas-sena 2021.”
€13-il miljun biex jindirizzaw l-anomaliji
ll-Ministru Scicluna qal li għal din is-sena, il-gvern alloka €13-il miljun sabiex ikompli jindirizza dawn l-anomaliji u inġustizzji li twettqu fil-passat. In-nefqa tal-gvern fuq dan il-kumpens fuq medda ta’ erba’ snin telgħet għal madwar €55 miljun. Huwa spjega kif s’issa kien hemm ‘il fuq minn 8,000 persuna li ngħataw dan il-kumpens però dan l-ammont ser jinżel għal 5,500 is-sena d-dieħla għaliex ħafna minn dawn il-persuni b’dan il-pagament se jkunu ngħataw l-ammont kollu dovut lilhom.
Il-Ministru Scicluna spjega wkoll kif bħalissa jinsab għaddej eżerċizzju kbir mill-Bank Dinji sabiex jgħaqqad il-benefiċċji soċjali kollha li jingħataw hawn Malta, b’mod li l-gvern minn sena għal oħra jkun jista’ jagħmel evalwazzjoni tagħhom.
Il-Ministru Scicluna semma wkoll il-miżura li ħabbar fil-baġit li għadda, dik li mis-sena d-dieħla l-gvern se jkun qed jara kif se jikkumpensa anke lill-eks impjegati tat-Tarzna, li minħabba x-xogħol li kienu assenjati jagħmlu sofrew mill-kundizzjoni tal-asbestosis.