Jibdew jintlaqgħu n-nomini għal Segretarju Ġenerali ġdid u karigi oħra

Immedjatament wara l-ħatra ta’ żewġ viċi-kapijiet ġodda, il-proċess ta’ tibdil fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista jissokta fl-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju bl-elezzjonijiet għall-diversi karigi fi ħdan il-partit.

L-aktar kariga prominenti hi dik ta’ Segretarju Ġenerali, li se tkun okkupata minn xi ħadd ġdid wara li Paul Borg Olivier kien ħabbar li mhux beħsiebu jerġa jikkontesta.

Il-karigi l-oħra li wkoll iridu jimtlew huma dawk ta’ President tal-Kumitat Eżekuttiv, President tal-Kunsill Amministrattiv, Teżorier, Segretarju internazzjonali u Assistent Segretarju Ġenerali. In-nomini jgħalqu l-Ħamis 30 ta’ Mejju.

F’kummenti li ta lil midja nazzjonalista, il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Simon Busuttil qal li sal-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju, l-Eżekuttiv il-ġdid mistenni jeleġġi dawn il-karigi. Mistenni li wara dawn l-elezzjonijiet jerġa jiltaqa’ l-Kunsill Ġenerali.

L-eżekuttiv il-ġdid ġie elett fl-istess ġurnata tal-votazzjoni għall-elezzjonijiet tal-viċi kapijiet. L-eks Assistent Segretarju Ġenerali, Jean Pierre Debono, kien l-aktar kandidat li ġab voti, b’677 vot minn total ta’ 887. Raymond Bugeja, li kkontesta l-elezzjoni għall-kap tal-Partit, rnexxielu jikseb 662 filwaqt li Dr Ann Fenech, li qed tmexxi l-kummissjoni li qed tevalwa t-telfa elettorali, kisbet 647 vot.