Jibdew jinbiegħu l-appartamenti tat-torri flok l-ITS

Jinsabu għall-bejgħ l-appartamenti li se jkunu qed jibnew bħala parti mill-proġett tal-Grupp db fit-torri ta’ 38 sular, bil-prezz jibda minn €3.5 miljun u jibqa’ tiela sa €10 miljun.

Il-proġett ġie approvat mill-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar fl-20 ta’ Settembru wara li 10 ivvutaw favur u 4 kontra. Il-bini se jkun qed jieħu post il-binja li qabel kienet tintuża mill-ITS, ħdejn il-bajja ta’ San Ġorġ. Se jkun qed jinkorpora torri ta’ 38 sular u lukanda ta’ 17-il sular fost l-oħrajn.

Fuq is-sit ta’ Coldwell Banker Malta, wieħed jista’ jara immaġni ta’ kif se jiġu jidhru dawn l-appartamenti malli jitlesta l-proġett, kif ukoll jista’ jibda l-proċess sabiex jixtri wieħed minn dawn l-appartamenti lussużi. Skont is-sit, iż-żona se tinkorpora sigurtà ta’ 24 siegħa, lukanda tal-ħames stilel, bar, ristoranti, pixxini privati, u veduta tal-baħar.

Uffiċjal tal-kumpanija spjega li l-profil tal-appartamenti għadu qed jiġi aġġornat u l-prezzijiet mhumiex finali hekk kif ikopru biss il-pjan. Spjega wkoll li dawn it-tip ta’ appartamenti lussużi ġeneralment ikunu immirati għall-barranin iktar milli għal Maltin.

Mis-sit wieħed jista’ jagħżel bejn appartamenti b’kamra tas-sodda waħda, tnejn jew tlieta, mit-tieni sular sal-35 sular. Wieħed jista’ jiddeċiedi li jixtri sular sħiħ. Il-proġett mistenni jitlesta sa Ġunju tal-2021. L-appartamenti se jkunu attrezzati bi twieqi double glazed, kmamar tal-banju, bibien, sistem tal-air conditioning, soqfa bis-suffitt li jinkorporaw id-dwal, garaxx u sistema li tipproteġi l-post f’każ ta’ nirien. Jekk wieħed iħobb l-annimali se jkun jista’ jagħmel dan fl-appartamenti lussużi.

Min ivvota favur dan il-proġett?

  • Ir-rappreżentant tal-Gvern Clayton Bartolo
  • Iċ-Ċermen tal-ERA Victor Axiak
  • Id-Deputat Ċermen Elizabeth Ellul
  • Desiree Cassar
  • Matthew Pace
  • Simone Musù
  • Timothy Gambin,
  • Jacqueline Gili,
  • Joseph Brincat
  • Ivan Tabone

Min ivvota kontra da nil-proġett?

  • Iċ-Ċermen tal-Bord tal-PA Vince Cassar
  • Is-Sindku ta’ Pembroke Dean Hili
  • Ir-rappreżentanta tal-NGOs Annick Bonello
  • Ir-rappreżentanta tal-PN Marthese Portelli