Jibdew jinbidlu l-passaporti minn din is-sena

OPM_PS

Il-passaporti Maltin se jibdew jinbidlu minn din is-sena, skont is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Julia Farrugia Portelli.

Fi stqarrija, is-Segretarjat Parlamentari ta’ Farrugia Portelli qal li ġie fi tmiemu l-proċess ta’ stampar tal-ewwel lott ta’ karta sigura li se tkun qed tintuża għal passport il-ġdid. Portelli żaret l-uffiċċju ewlieni tal-kumpanija De La Rue f’Basingstoke u l-fabbrika li tipproduċi l-karta, Portals De La Rue, f’Bathford ir-Renju Unit.

Skont is-Segretarjat, il-bidla tal-passaporti gradwali hija ppjanata li tiskatta aktar tard din is-sena u meta wieħed imur biex jagħmel, jew iġedded il-passaport tiegħu, se jinħariġlu wieħed ġdid mingħajr ebda ħlas addizzjonali. Minkejja dan, dak eżistenti se jibqa’ validu sad-data tal-iskadenza tiegħu u jinbidel għal ġdid meta wieħed imur biex iġeddu.

Farrugia Portelli rrimarkat li l-passaport Malti se jkompli jkun fost l-aktar avvanzati fejn tidħol teknoloġija u sigurtà. Spjegat li minkejja li l-passaport Malti huwa diġà sigur u konformi mal-ogħla standards internazzjonali, dak ġdid se jkollu elementi oħra ta’ sigurtà li se jagħmluh wisq aktar diffiċli biex jiġi ffalsifikat.

Intqal li l-passaport il-ġdid se jkompli jibni fuq dak ta’ qablu u fost il-karatteristiċi l-ġodda, se jkollu paġna ta’ identifikazzjoni li se tkun f’forma ta’ polycarbonate card mehmuża mad-dokument u laser engraved permezz tal-aħħar tekonoloġija. Il-karta nnifisha hija waħda sigura u l-passaport il-ġdid se jkun stampat b’inka speċjali fost elementi oħra ta’ sigurtà inkorporati fih bħal UV u visible fibreshigh quality cylinder mould watermarks u security thread. Bħal dak ta’ qablu, il-passaport il-ġdid se jinkludi fih ukoll ċippa elettronika biċ-ċertifikati diġitali mehmuża fiha li huma maħsubin sabiex tiġi vverifikata l-identità tal-persuna.

Il-paġni ta’ ġewwa se jkollhom disinji u xeni li juru l-identità kulturali u l-wirt patrimonju Malti stampati b’inka speċjali. Dawn l-immaġini mhumiex intiżi għal raġunijiet ta’ estika biss iżda fihom elementi ta’ sigurtà moħbija bħala prevenzjoni għall-iffalsifikar tal-istess dokument.

Wara numru ta’ diskussjonijiet li l-Aġenzija kellha mal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabbiltà (KNPD) u mal-Foundation for Information Technology Accessibility (FITA), Identity Malta se tkun qed tagħmilha possibbli sabiex persuni neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jużaw il-passaport tagħhom bl-aktar mod ħieles u indipedenti.

Fil-fabbrika ta’ Portals De La Rue, Farrugia Portelli, li kienet akkumpanjata minn uffiċjali tal-aġenzija Identity Malta.

Tista’ taqra aktar dwar il-passaport il-ġdid minn hawn.