Jibdew jikkonfermaw l-artisti għall-Eurovision 2021

Ritratt: eurovision.tv

Wara li nhar l-Erbgħa tħabbar li l-65 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest li kellha ssir bejn it-12 u s-16 ta’ Mejju 2020, mhux se ssir, l-EBU ħabbret li qed taħdem fuq spettaklu li fih jiġu onorati l-41 kanzunetta li kellhom jieħdu sehem f’din l-edizzjoni.

Għalkemm għalissa għadu kmieni li jitħabbar x’se jkun qed isir eżatt, il-European Broadcasting Union (EBU) diġà ħabbret li l-kanzunetti li kien hemm maħsuba għal din is-sena mhux se jkunu eleġibbli li jipparteċipaw fl-edizzjoni tas-sena d-dieħla.

Madanakollu l-istess stqarrija tgħid li se jħallu f’idejn l-istazzjonijiet pubbliċi ta’ kull pajjiż biex jiddeċiedu jekk jipparteċipawx bl-artisti li kellhom jieħdu sehem din is-sena.

Minn informazzjoni li ġbarna s’issa jidher li 4 pajjiżi diġà kkonfermaw li l-artisti tagħhom li kellhom jirrappreżentawhom fl-edizzjoni ta’ din is-sena se jkunu qed jieħdu sehem.

Dawn huma Tornike Kipiani għall-Ġorġja, Jeangu Macrooy għan-Netherlands, Blas Cantò għal Spanja u Efendi għall-Ażerbajġan.

Malta kellha tieħu sehem permezz ta’ Destiny bil-kanzunetta All of my Love imma s’issa ma hemm l-ebda ħjiel jekk hux se tkun hi li tirrappreżenta lil pajjiżna fl-edizzjoni tal-2021.