Jibdew jiċħdu l-inviti tal-President għall-attivitajiet ta’ Jum ir-Repubblika

Għadd ta’ persuni fosthom esponenti tal-Partit Nazzjonalista ħabbru li qed jiċħdu l-istedina li saritlhom mill-President biex jattendu għall-attivitajiet marbutin ma’ Jum ir-Repubblika.

Il-MP tal-PN Simon Busuttil qal fuq Twitter li ma jistax jifhem kif waqt kriżi nazzjonali l-President Vella se jibqa’ għaddej bl-avveniment – avveniment li għalih huwa mistieden ukoll il-Prim Ministru. Busuttil qal li l-istedina saret qisu kollox huwa normali (“business as usual”). Qal li mhux se jkun qed jattendi bħala sinjal ta’ protesta.

Min-naħa tiegħu, il-MP tal-PN Jason Azzopardi qal ukoll li rrifjuta l-istedina. Qal li mhu se jmur imkien fejn ikun mistieden Prim Ministru “korrott” u “kompliċi kriminali fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia”.

Fuq Facebook, l-inġinier Marco Cremona wkoll qal li mhux se jkun qed jattendi minħabba s-sitwazzjoni f’Malta.

I have just declined an invitation from the President to attend a reception on Republic Day, and I have explained why I…

Posted by Marco Cremona on Thursday, December 5, 2019

Il-MEP David Casa qal li l-President għandu juża’ l-enerġija tiegħu biex jara li Muscat jirreżenja minnufih.

Reċentament il-kandidat indipendenti Arnold Cassola wkoll apella lin-nies biex jagħmlu boycott kontra l-attivitajiet marbutin ma’ dan il-Jum fit-13 ta’ Diċembru.