Jibdew jiġbru l-flus biex jappellaw mid-deċiżjoni tal-katamaran fil-Balluta

Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan, ħames organizzazzjonijet u iktar minn 30 resident qed jippjanaw li jappellaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Ippjanar biex jinħareġ permess għal moll privat għall-Fortina, biex tkun tista’ topera l-katamaran tagħha fil-bajja tal-Balluta.

Fi stqarrija, il-Kunsill ta’ San Ġiljan flimkien mar-residenti u ħames NGOs qalu li l-proġett li jħalli servizz privat tal-katamaran jopera f’bajja popolari għall-għawm huwa preċedent perikoluż immens għaliex issa l-bajjiet kollha ta’ Malta huma mhedda li jkunu mibdula f’postijiet tal-irmiġġ għad-dgħajjes privati.

“Qegħdin nitolbu l-appoġġ tal-pubbliku biex niġbru s-somma ta’ €3,000 biex inkopru l-ispejjeż tal-appell kif ukoll biex nieħdu iktar azzjonijiet legali kontra l-katamaran privat fil-bajja tal-Balluta,” qalu l-għaqdiet.

L-organizzazzjonijiet huma Flimkien għal Ambjent Aħjar, Futur Ambjent Wieħed, Green House, Isles of the Left , u Moviment Graffitti.

Fil-bidu ta’ Marzu l-Awtorità tal-Ippjanar approvat l-applikazzjoni tal-Fortina għall-moll privat fil-Bajja tal-Balluta, proġett li sab reżistenza minn għadd ta’ NGOs u mill-Kunsill ta’ San Ġiljan.

Il-kumpanija Fortina Investments ikkundannat dak li qal s-Sindku ta’ San Ġiljan Albert Buttigieg meta dan qal li hemm suspett li hemm negozjati għaddejjin minn wara l-kwinti fl-iżvilupp tal-Balluta. Il-kumpanija sejħet din l-allegazzjoni gidba.