Jibdew isiru operazzjonijiet il-Ħadd f’Mater Dei

Minn dan ix-xahar bdew isiru operazzjonijiet skedati, mhux biss ta’ emerġenza, anke l-Ħadd, fl-Isptar Mater Dei.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne.
Dr Fearne fakkar li fil-bidu tas-sena kienet inħarġet sejħa għall-istaff mediku li hu interessat li jibda jaħdem il-Ħadd u sa issa, ‘il fuq minn 100 ħaddiem, bejn kirurgi, anestetisti u infermiera, qegħdin jaħdmu l-Ħadd ukoll.
‘‘Il-mira tagħna hija li kull nhar ta’ Ħadd isiru 50 operazzjoni f’oqsma varji fosthom l-endoskopija u operazzjonijiet tal-ftuq,” qal is-Segretarju Parlamentari waqt li spjega li jekk wieħed jgħaqqad dawn ma’ inizjattivi oħra li jinkludu l-privat u l-poliklinika tal-Mosta, jfisser li f’sena jiżdiedu 4,000 operazzjoni.
Temm jgħid li malli jidħol il-patient charter, li bħalissa qed issir konsultazzjoni pubblika dwaru, il-pazjent se jkollu d-dritt li ma jistenniex aktar minn sena u nofs għal operazzjoni.

Ritratt: DOI- Clifton Fenech