Jibdew in-negozjati fuq kemm se tonfoq l-Unjoni Ewropea sal-2020

Illum mistenni jibda summit ta’ jumejn bejn il-mexxejja tal-iStati Membri tal-Unjoni Ewropea, bit-tama li jintleħaq qbil fuq il-baġit Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin. Dan wara li f’Novembru li għadda ma kienx intlaħaq ftehim.

Il-pajjiżi jidher li huma maqsumin fi tnejn. Naħa minnhom, immexxija mir-Renju Unit u l-Ġermanja, iridu li jkun hemm tnaqqis fin-nefqa u b’hekk baġit iżgħar.

Kuntrarju għal dan, hemm pajjiżi oħra fosthom l-Italja u Franza li jixtiequ li tinżamm l-istess nefqa, iżda l-fondi jkunu indirizzati aktar lejn investiment biex jinħoloq ix-xogħol.

Esperti f’dan il-qasam isostnu li jekk ma jintlaħaqx qbil għal baġit tas-seba’ snin li ġejjin, l-Unjoni Ewropea ikollha tiddependi fuq baġits annwali li jinvolvu aktar spejjeż u jkun inqas sostenibbli.

Għal dan is-summit, mistenni jattendi wkoll il-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi. L-attivitajiet politiċi tal-Partit Nazzjonalista mistennija jitmexxew mill-viċi kap Dr Simon Busuttil.