Jibdew il-preparamenti għall-oratorju “Pawlu ta’ Malta”

Fl-10 ta’ Novembru li ġej fil-Katidral tal-Imdina se jitella’ mill-ġdid l-oratorju ‘Pawlu ta’ Malta’. Dan hu oratorju b’versi tal-Professur Oliver Friggieri u mużika tal-Professur Surmast Charles Camilleri.
Din l-attività tant mistennija se tkun qiegħda ssir sabiex jiġi mfakkar l-1950 anniversarju mill-martirju tal-appostlu San Pawl. Fil-fatt l-għażla tal-Katidral tal-Imdina hi aktar adegwata hekk kif dan l-istess Katidral huwa ddedikat propju lil San Pawl.
F’din il-produzzjoni se jkunu qed jieħdu sehem l-orkestra filarmonika nazzjonali taħt id-direzzjoni tas-Surmast Michelle Castelletti, l-Amadeus Chamber Choir u s-St. Julian’s Choral Group.
L-istess oratorju se jkollu bħala solisti lil Brian Cefai, Rosabelle Bianchi u Alfred Camilleri filwaqt li n-narrazjoni se tkun f’idejn Manuel Cauchi.