Jibdew 15-il siegħa ta’ votazzjoni…

Propju bħalissa qed jinfetħu l-postijiet ta’ votazzjoni madwar Malta u Għawdex, għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali. Il-postijiet tal-votazzjoni, b’kollox 726, se jibqgħu miftuħa sal-10 tal-lejla. Fil-postijiet tal-votazzjoni hu pprojbit l-użu tal-mowbajls, kameras jew apparat fotografiku ieħor.

SEGWI LIVE: L-elezzjoni għall-Parlament Ewropew u Kunsilli Lokali 2019

Wara ġimgħat ta’ kampanja għall-elezzjoni, illum jitqies bħala t-tieni jum ta’ silenzju, fejn ma jistgħux isiru attivitajiet jew kummenti politiċi, la mill-partiti u lanqas mill-mezzi tax-xandir.

AQRA: Is-skiet… qabel ir-risposta

Għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew qed jikkontestaw 41 kandidat li minnhom iridu jitilgħu sitt Membri Ewroparlamentari biex jirrappreżentaw lil Malta għal ħames snin li ġejjin. Għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali jridu jitilgħu membri għall-68 Kunsill madwar Malta u Għawdex.

AQRA: Ara lil min tista’ tivvota fl-elezzjoni tal-PE

AQRA: Imħabbra l-kandidati kollha għall-Kunsilli Lokali

Għall-ewwel darba din is-sena, wara bdil fil-liġi, qed jivvutaw votanti ta’ 16-il sena.

Meta se nkunu nafu kemm ma ġabrux il-vot?

Iċ-ċifri li f’kull elezzjoni jinħarġu mill-Kummissjoni Elettorali, dwar kemm-il persuna ma tkunx ġabret il-vot, din id-darba baqgħu ma ħarġux. Kien Newsbook.com.mt li lbieraħ żvela li żviluppaw xi diffikultajiet waqt li kienu qed jivverifikaw kemm inġabru voti sal-Ħamis filgħaxija u l-Kummissjoni laqqgħet laqgħa b’urġenza.

AQRA: Diffikultà biex jivverifikaw kemm inġabru voti

X’ħin se jivvutaw l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż?

Intant tħabbar li l-President George Vella se jivvota f’nofsinhar fiż-Żejtun, il-Prim Ministru Joseph Muscat se jivvota fl-10am f’Burmarrad, filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni se jivvota fis-Siġġiewi fid-9am.

L-għadd tal-voti u r-riżultati

Il-ftuħ tal-kaxxi tal-voti għandu jibda fl-10pm, hekk kif fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar jibdew jaslu għadd ta’ kowċis minn diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Jekk kollox imur kif ippjanat, u l-għadd tal-voti jsir b’mod elettroniku, l-ewwel indikazzjonijiet tar-riżultat ikunu għall-ħabta tat-8.30 ta’ għada filgħodu.

AQRA: Riżultat Elezzjoni: Is-soltu joħroġ fi 3 ijiem, issa f’inqas minn 3 minuti

Kompli segwi Newsbook.com.mt għal aktar aġġornamenti.

SEGWI LIVE: L-elezzjoni għall-Parlament Ewropew u Kunsilli Lokali 2019

AQRA: Xandiriet speċjali għall-Elezzjonijiet fuq Newsbook.com.mt