Jibda x-xogħol għall-Arċisqof dwar il-linji gwida għall-protezzjoni tat-tfal

Wara l-pjan imħabbar waqt laqgħa li saret is-sena li għaddiet dwar il-Protezzjoni tal-Minuri fil-Knisja, il-Papa Franġisku skatta l-ħidma tat-task force li jagħmel parti minnha l-Arċisqof Charles Scicluna. Huma se jkunu qed jippreparaw għall-Konferenza tal-Isqfijiet u jaġġornaw il-linji gwida dwar il-protezzjoni tat-tfal.

Il-media tal-Vatikan spjegat li l-Papa Franġisku kien stabbilixxa din it-task force biex tassisti l-Konferenza Episkopali fil-preparamenti tagħha. L-intenzjoni li jiġi ffurmat grupp tat-tip kienet tħabbret is-sena li għaddiet waqt il-laqgħa li kienet saret bejn il-21 u l-24 ta’ Frat tal-2019. Sena wara, il-Papa biddel dan il-pjan f’realtà.

L-Uffiċċju tal-Papa spjega li t-task force se tkun immexxija mill-Arċisqof Edgar Peña Parra, is-Sostitut għall-General Affairs of the Secretariat of State, flimkien mal-membri tal-kumitat organizzattiv tal-laqgħa tas-sena li għaddiet. Dawn kienu:

  • Il-Kardinal Oswald Gracias, Arċisqof ta’ Bombay;
  • Il-Kardinal Blase Cupich, Arċisqof ta’ Chicago
  • L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna, li huwa wkoll id-Deputy Secretary of the Congregation for the Doctrine of the Faith
  • Fr Hans Zollner, Dean tal-Institute of Psychology of the Pontifical Gregorian University u membru tal-Pontifical Commission for the Protection of Minors.

Intant, it-task force huwa kompost minn Dr Andrew Azzopardi, Kap tas-Safeguarding Commission tal-Isqfijiet Maltin bħala koordinatur flimkien ma’ numru ta’ esperti fil-liġi kanonika minn madwar id-dinja. Il-koordinatur jirrapporta kull kwart tas-sena dwar ix-xogħol tat-task force.

Il-mandat tat-task force huwa għal sentejn mill-24 ta’ Frar tal-2020.