Jibda x-xogħol għal 73 appartament f’Birkirkara

Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes żar is-sit ‘Tas-Sisla’ f’Birkirkara, fejn fl-aħħar jiem bdew ix-xogħlijiet għal 73 appartament għall-akkomodazzjoni affordabbli.
Bħalissa għaddej ix-xogħol ta’ skavar u tħaffir fil-proġett, li jinsab bejn Triq il-Qanpiena u Triq Mons Ġużeppi Camilleri f’Birkirkara.
Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes ħabbar li kważi kwart tal-appartamenti li se jinbnew, iġifieri 17-il unit, ħa jkunuwheelchair accessible bi kmamar tal-banju aċċessibbli wkoll.
It-73 appartament jinsabu f’sitt blokok kollha aċċessibli, flimkien ma’ 56 spazju ta’ parkeġġ, u 400 metru kwadru spazju miftuħ mifrux mal-proġett.
Ingħad ukoll li 85% tal-appartamenti kollha se jkollhom xi tip ta’ spazju miftuħ.
Il-Gvern qal li dan is-sit hu wieħed minn 16 li b’kollox se jwasslu għall-kostruzzjoni ta’ 680 appartament għal akkomodazzjoni affordabbli.