Jibda x-xogħol fuq triq ġdida fl-Imrieħel

Infrastructure Malta

Beda x-xogħol biex tinbena triq ġdida fl-Imrieħel li se tkun qed tgħaqqad il-Qasam Industrijali tal-Imrieħel ma’ Triq il-Kanun f’Ħal Qormi. Il-kuntratturi ta’ Infrastructure Malta bdew it-tħejjijiet biex iħaffru l-pedamenti u jgħaddu s-servizzi ġodda taħt l-art li hemm bżonn. Dan tħabar minn Infrastructure Malta.

It-triq ġdida tagħmel parti minn żewġ toroq eżistenti, Triq l-Intornjatur, li tiġi bi dritt mal-Imrieħel Bypass u Triq l-Industrija, kantuniera ma’ Triq il-Kanun. L-aġenzija spjegat li din it-triq ilha snin inkluża u skedata li tinfetaħ fil-pjanijiet lokali iżda baqgħet qatt ma saret.

Infrastructure Malta

Infrastructure Malta qalet li l-bini ta’ din it-triq ġdida se jsir b’kollaborazzjoni mas-Central Business District Malta, li ġiet deskritta bħala “fondazzjoni responsabbli mit-titjib tal-infrastruttura fil-Qasam Industrijali tal-Imrieħel”.

Skont l-entità tal-Gvern, ix-xogħlijiet jiffurmaw parti minn pjan ta’ din il-fondazzjoni għas-snin 2019-2022 biex jitjieb l-aċċess għal din iż-żona industrijali. Xogħlijiet oħra jinkludu t-titjib fil-junctions li hemm fl-inħawi.

Ix-xogħol fuq it-triq ġdida se jinkludi tħaffir għall-pedamenti, servizzi ġodda taħt l-art li hemm bżonn biex issir din il-konnessjoni ġdida għall-imrieħel, se jitpoġġew il-katusi għall-ġbir tal-ilma tax-xita, bankini u sistema ġdida tad-dwal.