Jibda x-xogħol fuq il-proġett tas-Central Link

Propju dalgħodu, il-kuntrattur ta’ Infrastructure Malta bdiet il-ħidma fuq il-Proġett tas-Central Link. Fi stqarrija Infrastructure Malta spjegat li l-proġett li se jiswa €55 miljun se jwassal sabiex jinqos il-ħin fl-ivjaġġar, titjieb il-kwalità tal-arja u jinħolqu spazji aktar siguri għall-mezzi tal-ivjaġġar alternattivi fir-rotta ta’ toroq ewlenin bejn l-Imrieħel u Ta’ Qali.

Il-proġett kien suġġett ta’ ħafna kritika, b’għadd ta’ NGOs jappellaw fil-Qorti kontra l-permess ta’ dan il-proġett. It-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar kien ċaħad dan l-appell.

Infrastructure Malta spjegat li l-proġett qed jinbeda wara li l-pjanijiet tiegħu ġew approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar u studjati mill-Kummissjoni Ewropea fl-2019. Ġie spjegat ukoll li fil-jiem li għaddew, il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili wkoll irrifjutat talba biex jinħareġ mandat t’inibizzjoni li saret mill-istess NGOs li tilfu l-appell u kkonfermat li Infrastructure Malta tista’ tibda tiplimenta dan il-proġett ta’ importanza nazzjonali b’mod immedjat.

Ġie spjegat li s-Central Link Project huwa mfassal fuq pjanijiet li kienu parti mill-Pjan Lokali għaċ-Ċentru ta’ Malta tal-2006, li diġà kien identifika l-konġestjoni fi Triq l-Imdina, Triq in-Nutar Zarb u toroq oħrajn fil-madwar bħala problema kbira għal Ħ’Attard u lokalitajiet oħrajn fil-viċin. Qalet li tejbet il-pjanijiet tal-2006 biex trendihom aktar effiċjenti u sostenibbli għal aktar tul ta’ żmien u biex tnaqqas l-impatti mhux mixtieqa fuq l-art tal-madwar. Fl-istess waqt, żiedet ukoll infrastruturra ġdida għal dawk li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku jew jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rota, faċilitajiet li bħalissa huma kważi ineżistenti f’din iż-żona.

L-istqarrija tgħid kif il-proġett se jnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar bin-nofs billi jinbnew mill-ġdid 13-il junction, jitneħħew erba’ sistemi ta’ traffic lights u jiżdiedu aktar minn seba’ kilometri f’korsiji ġodda tul din ir-rotta ta’ 4.3 kilometri. Se jiġu introdotti wkoll diversi faċilitajiet għall-mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi, fosthom aktar minn 10 kilometri f’passaġġi siguri għall-mixi, faċilitajiet għal dawk li jivvjaġġaw b’tal-linja u l-itwal korsija għar-roti mifruda mit-triq li se jkun hawn fil-pajjiż u li se tgħaqqad l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali.  Matul ir-rotta tal-proġett, Infrastructure Malta se tiżviluppa wkoll aktar minn 24,000 metru kwadru f’żoni ġodda msebbħin bis-siġar u l-pjanti.

X’se jkun qed jiġri matul din il-ġimgħa?

Infrastructure Malta spjegat li x-xogħlijiet li se jibdew din il-ġimgħa jinkludu l-iskavar għall-pedamenti tal-korsiji ġodda, bankini, waqfiet għall-karozzi tal-linja u korsiji għar-roti li se jinbnew matul ir-rotta tal-proġett, li testendi mill-Bypass tal-Imrieħel, tul Triq l-Imdina, minn Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard, lejn ir-roundabout ta’ qabel it-Telgħa tas-Saqqajja, f’Ta’ Qali.

Infrastructure Malta spjegat li qed tagħmel ix-xogħlijiet f’fażijiet differenti biex tnaqqas id-diffikultajiet għal aktar minn 30,000 persuna li ta’ kuljum jgħaddu miż-żona, u għar-residenti li jgħixu f’Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard. Ġie spjegat li waqt din il-fażi tal-bidu tal-proġett, il-korsiji kollha eżistenti se jibqgħu miftuħin. L-aġenzija wegħdet li l-pubbliku se jinżamm aġġornat bil-ħinijiet u se jiġi pprovdut rotot alternattivi jekk ikun hemm bżonn tingħalaq xi korsija.

Infrastructure Malta spjegat li permezz tas-Central Link Project se tkun eliminata l-konġestjoni ta’ bħalissa fit-toroq u l-junctions fl-inħawi u dan iwassal għal tnaqqis fit-trab iswed sa 66% sal-2030, anke meta tikkunsidra ż-żieda li se jkun hawn fit-trasport. Bl-istess mod, l-emissjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu jonqsu b’41%.