Jibda t-tieni staġun ta’ Manwela

Mil-lum fil-5.15pm Melita More se jibda jxandar it-tieni staġun mis-sensiela Manwela b’kitba ta’ Dr Michael Vella Haber u Evelyn Saliba La Rosa, bi produzzjoni ta’ Rewind. Din is-sensiela tkompli tixxandar fl-istess ħin kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa,

Issa Manwela tgħallmet li meta fil-bidu ma jkollok xejn b’xi mod jew ieħor tasal taċċetta s-sitwazzjoni tiegħek imma meta l-ħajja tgħollik fil-għoli mbagħad titilqek u ssabbtek tisbita , meta l-ewwel turik is-sabiħ imbagħad iddewqek id-duwa qarsa, hemm titgħallem x’inhi verament id-disperazzjoni.

Paul, li llum Manwela saret ħajtu u li jinkwieta meta jaraha tfittex lilha nfisha. Hu u Manwela kienu għamlu wegħda lil omm Manwela li mhu se jħallu lil ħadd jirbħilhom. Jinsisti ma’ Manwela li biex ma tħalli lil ħadd jirbaħlek f’ħajtek ma trid tħalli lil ħadd jisraqlek sekonda minna.

U x’inhuma jbexklu Mario u Faith, dawk iż-żewġ brikkuni li donnhom għandhom xi pjan f’moħħhom biex jeħilsu minn dawk li jgħinu lil Noah fid-dar. X’messaġġ iridu jgħaddulu lil missierhom Faith u Mario. Noah għadu qed iġib il-memorji ma’ Sarah Bernard quddiem għajnejh u kemm lilu u anke lil uliedu qed iqallbulhom ħajjithom ta’ taħt fuq.

Hemm ukoll Claude, li fl-aħħar episodju f’Ġunju rajnieh jiltaqa’ ma’ Victor u jaffaċċjah b’mod aggressiv f’okkażjoni li tant kienet mistennija. Il-kaos inqala bejn Paul, Claude, Victor u anke Norma li la tqatta’ daqstant ħin mal-familja spiċċat daħlet fl-istorja wkoll.

Claude u Ron jiltaqgħu wara 8 snin, Ron jilmaħ id-differenza fi Claude, id-differenza fiżika u jammirah kif minn bniedem li bidel moħħu fi sponża ta’ alkoħol sfrenat biex iwaqqaf mill-ħsibijiet issa nbidel u sar bniedem ġdid. Iżda Claude vera nbidel? Għal Claude l-ħajja kienet iebsa u jemmen li għadha iebsa sal-lum, imma meta jħares lura kienet daqsxejn ħanina miegħu wkoll, għax kellu lil Ron f’ħajtu. Claude għadu ggranfat mal-ġurnata li kellha tkun l-isbaħ f’ħajtu iżda sfaxxat fl-agħar waħda, fejn qabel kien sab soluzzjoni biex jaħrab mir-realtà u jixrob, issa l-uġigħ qiegħed hemm u kulma jmur qed jiekol biċċa minnu. X’qed ifittex Claude biex isib is-serħan? X’se jsabbar l-uġigħ ġewwieni li hemm ġo fih?

U xi ngħidu għan-nanna Dirjana, li bil-karattru żbukkat tagħha tilgħab irwol importanti fl-istorja ta’ Manwela.

Fl-episodju tal-lum

Fl-istaġun li għadda ħallejna lil Paul b’ħassħażin fl-art. X’għamel Claude xħin ra lil ħuh Victor il-knisja? Nibdew billi naraw lil Manwela li issa għandha madwar għoxrin sena, nerġgħu niltaqgħu ma’ Dirjana, Paul u Norma. Insiru nafu x’kien ġara f’dik il-ġurnata misħuta fejn kienet għebet Jennifer. Nidħlu fid-dar ta’ Noah u Sarah… naraw parti mill-ħajja tagħhom ta’ kuljum.  X’ġara minnha Sarah… ma rridux ninsew li issa għaddew tmien snin… u l-istorja tkompli…