Jibda t-tieni proġett tal-Bypass tal-Marsa-Ħamrun

Minister for European Affairs and Equality Edward Zammit Lewis and Minister for Transport, Infrastructure and Capital Projects Ian Borg visit works of second phase of Marsa-Ħamrun Bypass project

Beda x-xogħol fuq it-tieni proġett għall-bypass tal-Marsa u l-Ħamrun.

Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg u l-Ministru għall-Affarijiet Ewropej Edward Zammit Lewis żaru s-sit tax-xogħol. Borg spjega li issa se jinħolqu żewġ konnessjonijiet ġodda. Għal dawn se jiżdiedu aktar minn 600 metru ta’ korsiji. Il-proġett se jestendi minn Triq il-Kanun f’Santa Venera sar-roundabout fi Triq Ħal Qormi.

Se tinbena triq li diġà teżisti imma ma tantx tintuża minħabba li ma tinfidx. Din se tiġi mtawwla biex tgħaqqad Triq il-Kanun mal-karreġġata tan-Nofsinhar tal-bypass. Imbagħad, se tiżdied korsija fin-niżla li tgħaqqad il-Marsa-Ħamrun Bypass mar-roundabout ta’ taħt il-pont bejn il-Marsa u Ħal Qormi. Se tinħoloq ukoll ir-raba’ korsija fil-karreġġjata tan-Nofsinhar tal-Marsa-Ħamrun Bypass.

Minn naħa tiegħu, il-Ministru Zammit Lewis qal li dan il-proġett hu eżempju ieħor tas-suċċess li qed isir bl-użu effettiv tal-fondi Ewropej.